Raġel jeħel disa' xhur ħabs wara li inqabad juża passaport ta' ħaddieħor

L-arrest seħħ illum stess wara li hu xtara l-biljett tal-katamaran tiegħu kmieni dalgħodu

Raġel għadu kif weħel disa' xhur ħabs wara li pprova jitlaq minn Malta għal Sqallija abbord il-katamaran bil-passaport ta' raġel ieħor. L-arrest seħħ illum stess wara li hu xtara l-biljett tiegħu kmieni dalgħodu.

Huwa ġie arrestat fil-5:30.a.m wara li uffiċjali tal-Immigrazzjoni ndunaw li l-passaport li kien qed juża ma kienx tiegħu, iżda kien ta’ immigrant li siefer lejn ir-Rumanija.

Il-Qorti infurmat lil akkużat li kien se jiffaċċja l-ħabs jekk iwieġeb ħati peress li kellu kundanna preċedenti talli kkawża ħsara fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa matul l-irvellijiet ta’ Jannar tal-2020.

Madankollu r-raġel wieġeb ħati xorta waħda, ammetta li uża passaport ta’ persuna oħra, għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet u ta informazzjoni falza lill-uffiċjal prinċipali tal-immigrazzjoni.

More in Qrati u Pulizija