'Irrid l-aħjar għalik ... tifhem aktar fil-futur'; Raġel jinżamm arrestat wara li seraq żewġ iPads

Il-Maġistrat iddeċieda li jżomm lir-raġel arrestat filwaqt li qallu li qed jagħmel dan fl-aħjar interess tiegħu għax jixtieqlu l-ġid u jridu jinbidel

Raġel li qed jagħmel programm biex joħroġ mill-vizzju tal-eroina nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li seraq żewġ tablets (kompjuters) minn żewġ ristoranti.

Ir-raġel li għandu 32 sena, ċaħad li seraq żewġ iPads minn ristoranti f’Buġibba u f’Tigne. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.

L-Ispettur Christina Delia, qalet li l-Pulizija waslet għar-raġel wara li rat filmati tas-CCTV.

L-Avukat ta’ akkużat talab għall-ħelsien mill-arest. Saħaq li r-raġel qiegħed fuq il-methadone bħala parti minn programm tal-Caritas u għadu kemm beda jaħdem.

“Jiena clean Sur Maġistrat,” saħaq ir-raġel.

Id-Difiża spjegat kif ir-raġel għamel progress kbir u qed jegħleb il-vizzju. Qalet ukoll li qed jaqsam il-kustodja taż-żewġt itfal tiegħu li għandhom 11 u ħames snin u li anke qed iħallas il-manteniment.

“Se nkellmek ċar,” saħaq il-Maġistrat. “Din mhux deċiżjoni faċli għalija imma daħħalha f’moħħok li d-deċiżjoni tiegħi hija bbażata fuq żewġ prinċipji li huma għal qalbi, l-ewwel il-ġustizzja u t-tieni għax irrid l-aħjar għalik. Tifhem fil-futur. F’dawn il-każi, kieku kelli ntik il-ħelsien mill-arrest ikun hemm tliet każi oħra kontrik fix-xahar li ġej. Trid tifhem u tirrifletti li issa huwa ż-żmien biex tinbidel. Jew se tkompli fil-kriminalità u tirribella kontra l-awtorità jew inkella se tfittex l-għajnuna. Illum frankajtlek ħafna ħabs.”

L-akkużat tbissem u sellem lill-Maġistrat meta nħareġ mill-awla biex jittieħed il-ħabs fejn għalissa se jinżamm arrestat. 

More in Qrati u Pulizija