Jipprova jaħrab imma l-pulizija jaqbduh u jsibu fuqu 1 Kg ta' droga kokaina

Raġel ta' 39 sena jitressaq il-Qorti u jiffaċċja diversi akkużi

Raġel kien arrestat f'Wied il-Għajn wara li l-pulizija saqu warajh, hekk kif hu beda jipprova jaħrab. Huwa kien akkużat illum bil-pussess aggravat ta' kokaina. Minkejja talbiet mid-Difiża, huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. 

Ir-raġel ta' 39 sena mill-Marsa kien mressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u akkużat bil-pussess ta' madwar 1 Kg ta' kokaina f'ċirkostanzi li kienu jindikaw li dawn ma kinux għall-użu personali tiegħu. Huwa ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, beda jsuq b'mod perikoluż, wettaq ħsarat u kien fil-pusess ta' munizzjon u arma wkoll. Huwa kien akkużat ukoll illi kien riċediv. 

L-Ispettur li mexxiet il-prosekuzzjoni qalet illi waqt li l-pulizija kienu qed jiġru warajh, l-akkużat rema pakkett li fih kien hemm id-droga . 

Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li l-każ għadu qed ikun investigat u li potenzjalment jistgħu jsiru akkużi oħrajn fil-konfront tar-raġel. Id-Difiża minn naħa l-oħra qalet illi ma kienx hemm riskju ta' tbagħbis bl-evidenza u ma kien hemm ebda xhieda. Sostniet illi huwa argument "perikoluż"  li persuni jinżammu arrestati sempliċiment għaliex l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

L-Ispetturi Justine Grech u Marsha Mallia mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Matthew Xuereb u Roberto Spiteri mexxew id-Difiża. 

More in Qrati u Pulizija