Il-Kunsill Nutarili ta' Malta jħabbar li bdew jiġu riveduti kuntratti u testmenti li saru quddiem Ivan Barbara

Klijenti ta' Barbara - li miet l-Indja wara li qabditu l-Covid-19 - ma jistgħux jaċċessaw flus li ħallsu f'konvenji

In-Nutar Ivan Barbara
In-Nutar Ivan Barbara

Il-Kunsill Nutarili ta' Malta ħabbar illi nbeda l-proċess biex kuntratti u testmenti li saru quddiem in-Nutar Ivan Barbara u li għadhom ma dehrux quddiem il-Qorti, jingħataw lin-Nutar tal-Gvern. Il-Kunsill qal li dan qed isir wara li ġie kkuntattjat mill-Avukat Ġenerali u n-Nutar tal-Gvern sabiex il-proċess ta' reviżjoni ta' tali kuntratti jkun mħaffef, hekk kif f'ċirkostanzi normali dan isir darba fis-sena. Dan huwa proċess illi fih kuntratti u testmenti li jkunu saru s-sena ta' qabel jiġu riveduti biex tkun assigurata l-kontabilità u l-azzjoni fil-ħin f'każi ta' ksur.  

Klijenti tan-Nutar Barbara li miet fl-Indja - minn fejn kien qed jadotta - wara li qabditu l-Covid-19, jinsabu mħassbin u inkwetati dwar is-silenzju assolut dwar flushom li għaddew lil Barbara wara iffirmar ta' konvenji. Erba' xhur wara l-mewt ta' Barbara l-klijenti kellhom iqabbdu avukati sabiex jieħdu lura flushom minn konvenji, wara li mart Barbara ma setgħetx tgħaddi dawn l-istess flus u kienet irrifjutat ukoll il-wirt tiegħu. 

Dawn ir-rifużjonijiet jinsabu f'periklu wara li rriżulta li n-nutar jista' jkun li ma ddepożitax dawn il-fondi fil-Kont tal-Klijenti imma fil-kont personali tiegħu. 

Il-Kunsill qal illi sa issa għad ma hemmx indikazzjoni formali ta' min l-eredi huma u qal ukoll li għadu mhux "uffiċjalment possibbli li tivverifika kwalunkwe numru tal-bank jew status f'isem Barbara, li jkunu ffriżati man-notifikazzjoni tal-mewt sakemm ikun konkluż il-proċess tal-wirt"

F'messaġġ fuq Facebook il-Kelliem tal-Oppożizzjoni u Deputat Joe Ellis irringrazzja lill-Kunsill Nutarili għall-inizjattiva u ħeġġeġ biex dawk kollha li kienu għamlu użu mis-servizz ta' Barbara, jagħmlu kuntatt man-Nutar tal-Gvern.

More in Qrati u Pulizija