L-eks membru tas-sigurtà ta' Muscat jibqa' ħalqu magħluq u ma jweġibx għal diversi mistoqsijiet

Kenneth Camilleri - mill-ġdid - jirrifjuta li jwieġeb diversi mistoqsijiet fil-Qorti

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

L-eks Membru tas-Sigurtà tal-eks PM Joseph Muscat, Kenneth Camilleri, llum deher quddiem il-Qorti u reġa' ma weġibx diversi mistoqsijiet mill-avukat Charles Mercieca - l-avuat ta' Yorgen Fenech - u anke l-Ispettur Keith Arnaud, fosthom kif sar jaf lis-sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma. 

Mercieca staqsa x'qallu Melvin Theuma f'nofs ta' lejl meta hu kien qed ikellmu wara li bagħatu Keith Schembri u staqsieh jekk hux veru - kif qal - li ma jafx lil Yorgen Fenech, iżda mill-ġdid Kenneth Camilleri baqa' ma weġibx. 

L-Ispettur Keith Arnaud reġa' kkonferma li fuq Camilleri - eks membru tal-Korp tal-pulizija għal 25 sena - għaddejjin investigazzjonijiet mhux dwar l-omiċidju iżda dwar ċerti avvenimenti li seħħew wara - għalhekk huwa qal li l-istess Kenneth Camilleri se jixhed fi stadju iktar tard. Minkejja dan l-avukat Mercieca pprotesta għal dan filwaqt illi l-Maġistrat Rachel Montebello sostniet li Camilleri għandu jiddaħħal biex jixhed. 

Kenneth Camilleri, kien bodyguard tal-eks PM Joseph Muscat u ħabib kbir tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri. Meta xehed, Melvin Theuma kien qal li darba Camilleri mar għandu biex jikkalmah hekk kif kien aġitat ħafna minħabba li Vince Muscat (il-Koħħu) kien qed jinżamm il-ħabs u kien qed jitkellem mal-pulizija. Theuma fehem li kien Schembri li bagħat lil Camilleri. 

Intant skont Melvin Theuma wkoll, dan Camilleri ltaqa' miegħu biex jgħaddi messaġġ li t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kellhom jieħdu miljun ewro kull wieħed wara li jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Dan ma ngħatax u għalhekk flus ma għaddewx.

More in Qrati u Pulizija