Is-Surġent akkużat bi stupru ta' vittma ċempel mill-ħabs lil mara li kellha tixhed

L-akkużat allegatament ġibed filmat ta' 12-il sekonda li juri lill-vittma tagħmel fuqu sess orali u fil-filmat jidhru ċ-ċinturin u taser tal-Pulizija

Surġent li qed ikun akkużat bl-istupru ta’ vittma ta’ serqa li kien qed jinvestiga, jista’ jkun li għamel kuntatt illegali ma’ xhud mill-ħabs.

Is-Surġent qed ikun akkużat bi stupru, li ġibed filmat tal-istess stupru, b’fastidju sesswali u li wettaq reat li hu kien fid-dover li jippreveni.

Fis-seduta tal-lum, mara li kienet qed tixhed fuq talba tal-prosekuzzjoni, qalet li l-akkużat għamel kuntatt magħha, mingħajr il-permess, waqt li kien arrestat. 

Il-mara, li isimha ma jistax jissemma, qalet li kienet ilha taf lill-akkużat għal madwar sena. Hu kien ħabib tat-tifel tagħha u kienet qed tgħin lis-Surġent fil-kura ta' qariba anzjana tiegħu.

Qalet li l-akkużat kien iċemplilha b’mod regolari.

Kompliet tgħid li lejl qabel l-arrest tiegħu, fis-17 ta’ April, l-akkużat ċemplilha fis-2:15am. Qalet li sentejn qabel hi kienet sfat vittma ta' serqa u dakinhar semgħet ħoss mal-bieb. Kienet taf li kien xogħol u ċempliltlu iżda hu qalilha li ma setax imur għax kellu serqa li kien qed jinvestiga.

L-Ispettur John Spiteri kompla jistaqsiha u qalet li ma kinitx taf jekk kienx hu li ċemplilha jew inkella ċemplitlux hi u mbagħad ċemplilha lura.

Iżda x-xhieda tagħha kien fiha diversi inkonsistenzi. Fil-fatt, ftit wara qalet li l-akkużat mar għandha fis-2:15am. 

Għal aktar mistoqsijiet, il-mara ammettiet li l-akkużat ċemplilha d-dar ftit tal-ġimgħat ilu, minkejja li kien il-ħabs. Jidher li ċemplilha biex jistaqsiha dwar ommu.

L-Ispettur talab lill-Qorti biex taħtar espert biex jaċċessa s-sistema tat-telefon tal-ħabs, fosthom biex ikun magħruf meta saru xi telefonata bejn l-akkużat u persuni terzi. Talab ukoll li dawn it-telefonati jkunu transkritti.

Spiteri wera wkoll sensiela ta’ imejls li kien hemm bejnu u qariba tal-akkużat biex tkun tista’ żżuru l-ħabs. L-istess qariba talbet lill-ispettur biex anke l-mara li xehdet illum tkun tista’ tmur iżżur lis-Surġent fil-ħabs. Din it-talba ma kinitx milqugħa.

Xehed ukoll l-Ispettur Michael Vella li kien preżenti għall-arrest u għall-interogazzjoni tal-kollega tiegħu. Qal li l-vittma tat lill-Pulizija tissue u anke flokk li l-akkużat, allegatament, intmesaħ bihom u li mbagħad ħasel fis-sink. Dawn qed ikunu eżaminati minn espert tad-DNA.

Qal ukoll li tracker installata fil-karozza li biha l-akkużat mar fuq ix-xena tas-serqa, juri li l-akkużat għamel madwar siegħa fir-residenza tal-vittma. 

Kompla jgħid ukoll li nstab vidjow ta’ 12-il sekonda li fih l-akkużat jidher waqt sess orali mal-vittma. Ċinturin tal-Pulizija u taser jidhru fil-filmat.

Il-każi se jkompli f’Lulju. 

More in Qrati u Pulizija