Fenech jgħid li l-Inkjesta Pubblika hija mmexxija minn 'aġendi politiċi u personali'

L-avukati ta' Yorgen Fenech jisħqu li qed jinkisru d-drittijiet ta' smigħ xieraq tal-klijent tagħhom akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech - akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - qed jisħaq illi l-Inkjesta Pubblika qed tippreġudika mid-dritt tiegħu ta' smigħ xieraq.

F'osservazzjonijiet quddiem il-Bord tal-Inkjesta, l-avukati ta' Fenech - Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca - qalu illi d-drittijiet tal-klijent tagħhom qed ikunu "ripetutament injorati u miksurin" minn dan il-bord.  Jisħqu illi hija biss "selezzjoni iċċensurata" ta' noti u transkrizzjonijiet tax-xhieda mis-seduti tal-bord li qed ikunu aċċessibbli għand Fenech.  Huma qalu li mistoqsijiet "suġġestivi, sarkażmu u għanijiet politiċi" juru preġudizzju minn naħa tal-imħallfin u ma fihom ebda bażi skont it-Termini ta' Referenza tal-Bord tal-Inkjesta. 

Huma fakkru li Fenech ma għandu ebda rappreżentazzjoni legali quddiem il-bord u diversi talbiet għall-kopji tal-evidenza li dehret quddiemha ġew injorati. L-avukati qalu illi l-bord kien sema' is-sottomissjonijiet tal-familja Caruana Galizia mingħajr qatt ma taw opportunità lil Yorgen Fenech biex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu, qabel jipproċedu għad-deċiżjoni. 

"Id-difiża għamlet l-inkjesta tagħha u użat poteri speċjali u kważi ddettat hi l-aġenda tal-Bord," qalu t-tliet avukati.  Għalhekk jgħidu li l-proċeduri f'din l-inkjesta intużaw "għall-aġendi politiċi u personali, fi preġudizzju lejn Yorgen Fenech, li ma setax jikkontradixxi jew iwieġeb lix-xhieda."

Huma nnutaw li l-Bord tal-Inkjesta qed jirreferi għal Fenech bħala "l-moħħ" wara l-qtil, allegazzjoni li Fenech dejjem ċaħad bil-qawwa, ifakkru.  "Dan imur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza."

Għalhekk Fenech qed jitlob, permezz tal-avukati tiegħu, illi hu ma jistax ikun parti mill-konklużjonijiet tal-bord, u hu ma jissemmiex, sabiex ma jinkisirx id-dritt ta' smigħ xieraq. 

More in Qrati u Pulizija