Surġent akkużat bi stupru ta' mara li kienet għadha kemm sfat vittma ta' serqa

Is-Surġent qed ikun akkużat ukoll li ġibed filmat ta' dan l-istess stupru

Surġent tal-Pulizija li ilu 18-il sena fis-servizz tressaq il-Qorti akkużat li stupra vittma li sfat misruqa.

Is-Surġent li għandu 40 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużat bi stupru, li ġibed filmat indiċenti tal-istess stupru, b’fastidju sesswali u li kkommetta reat li hu kien fi dmir jara li ma jseħħx.

Id-Difiża, immexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi, talbet biex il-każ jinstema’ wara l-bibien magħluqa, iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur John Spiteri ma qablitx.

Spiteri spjega lill-Qorti kif bejn is-16 u s-17 ta’ April, il-Pulizija rċeviet telefonata mingħand mara wara li sfat misruqa fid-dar tagħha.

Is-surġent mar id-dar tal-vittma u allegatament stupraha.

Qal ukoll li eventwalment ma sar l-ebda rapport dwar is-serqa u lanqas ma kien hemm l-ebda tentattiv biex ikunu rkuprati l-oġġetti misruqa.

Is-Surġent qed iwieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ dan u l-Qorti ddeċidiet li l-akkużat għandu jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija