Seraq muturi u TV ta' missieru ftit wara li miet ... ommu stess tirrapportah lill-pulizija

Żagħżugħ jisraq oġġetti u saħansitra klieb ta' missieru biex isostni l-vizzju tad-droga

Raġel ta' 38 sena minn Tas-Sliema inżamm taħt arrest wara illi ammetta illi seraq muturi u oġġetti oħrajn li huma ta' missieru li miet ftit ilu, sabiex ikun jista' jħallas għall-vizzju tad-droga tiegħu. 

Ir-raġel li ma jaħdimx deher quddiem il-Maġistrat Donatello Frendo Dimech u tressaq mill-Ispettur Jessica Bezzina fuq akkużi ta' serq aggravat. 

Fost affarijiet oħrajn li seraq ukoll kien hemm sett tat-televixin ta' 32 pulzier kif ukoll tliet klieb. 

L-akkużat kien arrestat wara li ommu stess irrappurtatu lill-pulizija. 

Quddiem il-Qorti dalgħodu huwa ammetta l-ħtija filwaqt li apoloġizza u qal illi hu jsofri mid-dipressjoni. 

Il-Qorti ipposponiet il-każ għall-ġimgħa d-dieħla meta tagħti s-sentenza għalkemm innutat li r-raġel kien qed iħalli lit-traffikanti jagħmlu l-flus minn fuq daharu. 

L-Avukat Mark Mifsud mexxa d-Difiża. 

More in Qrati u Pulizija