Raġel ingħata sentenza ta' erba' snin ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li seraq minn żewġ residenzi, f'każ wieħed bit-thedida ta' vjolenza permezz ta' sikkina kontra l-vittma.
Ir-raġel ta' 46 sena minn Bormla deher quddiem il-Qorti akkużat b'żamma illegali ta' persuni, serq ta' flus kontanti u ta' ġojjellerija - liema serq kien aggravat bi vjolenza, minn residenzi f'Ħal Tarxien.
Ir-raġel qal lill-Qorti li ma jaħdimx u kien akkużat ukoll li kien qed iżomm sikkina mingħajr permess, kif ukoll b'attentat ta' serqa f'Bormla nhar il-11 ta' Marzu.
Il-Qorti ħadet nota tar-rekord kriminali tar-raġel, li kellu akkużi simili għal dawn u li hu ma kienx għen lilu nnifsu biex ibiddel ħajtu, minkejja diversi opportunitajiet biex jagħmel dan.
L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Paul Camilleri mexxew il-Prosekuzzjoni, filwaqt illi l-avukat Simon Micallef Stafrace deher bħala avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat.