Il-kuntrattur fl-inċident fatali ta' Miriam Pace kien involut f'sensiela ta' inċidenti simili

Dan irriżulta hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żewġ periti akkużati bil-qtil involontarju ta’ Pace

Dalgħodu, fil-Qorti nstema’ kif il-kumpanija tal-kostruzzjoni li kienet involuta fl-inċident fatali ta’ Miriam Pace, kellha sensiela ta’ inċidenti oħra simili anke jekk ma ħallewx vittmi.

Dan irriżulta hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żewġ periti akkużati bil-qtil involontarju ta’ Pace, jiġifieri Roderick Camilleri u Anthony Mangion.

B’kollox erba’ persuni tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

Nhar it-Tlieta li ġej jaħbat l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Miriam Pace, l-omm ta’ 54 sena li spiċċat midfuna taħt dik li kienet id-dar tagħha. Ħdejn id-dar tagħha kienu qed isiru xi xogħlijiet tal-kostruzzjoni.

Illum, fil-Qorti nstema’ kif ftit tal-jiem wara l-inċident li ħasad il-ħajja ta’ Pace, l-istess kuntrattur kien involut f’inċident ieħor simili, din id-darba ta’ triq f’Pender Gardens.

Waqt il-konro-eżemi, is-Supretendent Robert Vella qal li huwa kien kontinwament f’kuntatt mal-esperti tal-Qorti li ġibdulu l-attenzjoni dwar il-fatt li t-tagħmir li kien qed jintuża fis-sit tal-kostruzzjoni, tressaq ftit wara l-inċident.

Ritratti li ġew ippubblikati fuq il-gazzetti juru u jikkonfermaw dan.

Vella qal lill-Qorti li hu kien konxju tal-fatt li l-kuntrattur Ludwig Dimech ta’ LK Limited, kien involut f’sensiela ta’ inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni li seħħew f’Ottubru tal-2002, f’Ġunju tal-2011, f’Mejju tal-2013, f’Ġunju tal-2019 u f’Diċembru tal-2019.

Ivor Robinich mill-Aġenzija responsabbli mill-Bini u l-Kostruzzjoni qal lill-Qorti li kien hemm diversi ordnijiet ta’ infurzar li nħarġu kontra Ludwig Dimech dwar is-sit inkwistjoni, kemm qabel u anke wara l-mewt ta’ Pace.

Qal li kien hemm minn tal-inqas tliet darbiet meta kien ordnat iwaqqaf ix-xogħlijiet.

L-Ispettur Matthew Galea xehed li Camilleri kkopera ħafna mal-Pulizija, iżda Mangion għażel li jibqa’ sieket, kif għandu dritt li jagħmel.

Xehed ukoll iċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar, li qal lill-Maġistrat li ma kienet irreġistrata l-ebda oġġezzjoni għal dawn ix-xogħlijiet.

Il-każ ikompli għada.

More in Qrati u Pulizija