Il-Pulizija se tieħu passi kontra l-partitarji ta' Ħamrun Spartans li lbieraħ dehru jiċċelebraw fi stabbiliment

Filmat li ttella’ lbieraħ, juri għadd ta’ partitarji jiċċelebraw ġo stabbiliment, ħafna minnhom bla maskra u mingħajr distanza soċjali ... fost dawn, kien hemm il-President tal-Ħamrun Joseph Portelli

Il-Pulizija qalet li se tkun qed tieħu passi skont il-liġi kontra għadd ta’ persuni, fosthom sid ta’ ħanut li dehru jiċċelebraw rebħa ta’ Ħamrun Spartans fi stabbiliment, mingħajr distanza soċjali.

Filmat li ttella’ lbieraħ, juri l-partitarji jiċċelebraw ġol-istabbiliment, ħafna minnhom bla maskra. Kien hemm min saħansitra beda jpejjep ġewwa.

Fost dawn, kien hemm il-President tal-Ħamrun Joseph Portelli.

Fi stqarrija, il-Pulizija kkonfermat li numru ta’ persuni ġew mitkellma fl-aħħar sigħat.

Il-Pulizija qalet li l-istabbiliment inkwistjoni għandu liċenzja ta’ snack bar u jista’ jiftaħ suġġett li jkun qed jopera skont l-Avviżi Legali b’rabta mal-COVID-19.

L-Awtorità tat-Turiżmu ħarġet ukoll ordni ta’ infurzar kontra l-istabbiliment.

Il-Pulizija qalet li fl-aħħar jiem wettqet diversi rondi madwar it-toroq tal-Ħamrun biex jiġu evitati gruppi ta’ nies waqt xi ċelebrazzjonijiet kif ġara ġimgħat ilu wara li Ħamrun, li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-BOV Premier League, rebħu lil Valletta FC.

More in Qrati u Pulizija