Titjira lejn Katanja tirritorna Malta wara li passiġġiera ma riditx tilbes il-maskra

Iż-żagħżugħa ta’ 24 sena ttellgħet il-Qorti u ngħatat sentenza sospiża ta' ħabs

Passiġġiera li ma riditx tilbes il-maskra abbord titjira lejn Katanja waslet biex l-ajruplan kellu jdur lura Malta biex iniżżilha.

Iż-żagħżugħa ta’ 24 sena, Bulgara li tgħix l-Italja, kienet abbord titjira tal-Air Malta li ħalliet l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-6am.

Ftit wara li l-ajruplan ħalla Malta, qam argument bejn il-membri tal-ekwipaġġ u l-istess żagħżugħa li ma riditx tilbes il-maskra.

Kien dan li wassal biex il-kaptan iddeċieda li jdawwar l-ajruplan u niżżilha lura Malta filwaqt li ġew infurmati l-Pulizija.

Ftit wara, il-passiġġiera ttellgħet il-Qorti fejn ammettiet l-akkużi.

Hija ngħatat sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn filwaqt li qalgħet ħasla tajba mingħand il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fakkritha kif l-aġir irresponsabbli tagħha poġġa riskju mhux fuqha biss imma anke fuq il-passiġġiera u l-membri tal-ekwipaġġ.

More in Qrati u Pulizija