Ġabar €5,650 f’depożiti għall-kiri ta’ appartamenti li mhumiex tiegħu; Jeħel seba' snin ħabs

L-akkużat kien jirriklama s-servizzi tiegħu fuq Maltapark u jiġbor depożitu ta’ bejn €250 u €1100

Raġel li ġabar €5,650 f’depożiti għall-kiri ta’ appartamenti li mhumiex tiegħu, ingħata sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li tressaq akkużat bi frodi u miżaproprijazzjoni.

Konrad Dimech ta’ 47 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq akkużat bi 23 akkuża. Il-vittmi tiegħu kienu kollha barranin.

Huwa kien jirriklama s-servizzi tiegħu fuq Maltapark u jiġbor depożitu ta’ bejn €250 u €1100.

Meta jiġu biex jidħlu fil-post li jkunu mingħalihom krew, il-vittmi kienu jsibu n-nies li jgħixu hemm.

Ir-raġel ammetta l-akkużi fl-20 ta’ Settembru li għadda.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, fid-deċiżjoni tagħha, nnutat li ħafna mill-vittmi tar-raġel kellhom tfal żgħar u spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Spjegat kif uħud mill-vittmi spiċċaw jorqdu fil-karozzi, anke fi żmien ta’ maltemp kbir, sakemm sabu post ieħor.

Apparti s-sentenza ta’ ħabs effettiva, huwa ġie ordnat iħallas lura lill-vittmi.

More in Qrati u Pulizija