Żewġt aħwa jeħlu erba' snin ħabs wara li taw in-nar lill-karozza ta' ħuhom

Il-każ seħħ f'Marzu tas-sena li għaddiet

(arkivji)
(arkivji)

Żewġt aħwa miż-Żejtun ingħataw sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li nstabu ħatja li taw in-nar lill-karozza ta’ ħuhom.

Il-każ seħħ fil-5 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet wara argument bejn il-qraba.

Jidher, minn dak li ħareġ fil-Qorti, li l-familja għandha rekord kriminali kkulurit.

Wieħed mill-aħwa kien instab ħati li sar reċidiv wara li aktar qabel kien instab ħati li ħebb għal ħuh. Ħuh l-ieħor ukoll kien instab ħati ta’ vjolenza fuq ħuh u missieru, b’serq u anke b’reati marbuta mas-sewqan.

Fil-Qorti kien instema’ wkoll kif is-sid tal-karozza, jiġifieri ħu l-akkużati, ried iwaqqa’ l-akkużi, iżda dan ma kienx possibbli, bl-Ispettur Trevor Micallef jixhed kif il-vittma kien jibża’ minn ħutu.

Iż-żewġt aħwa kienu wieġbu mhux ħatja.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lia insistiet li l-akkużati ma jistgħux jitħallew jieħdu l-liġi b’idejhom u meta rat ir-rekord kriminali tagħhom, iddeċidiet li tagħtihom sentenza effettiva ta’ ħabs.

More in Qrati u Pulizija