Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b'kullana ta' serq minn karozzi

L-akkużat ta' 36 sena li ma għandux impjieg wieġeb mhux ħati, bl-Ispetturi joġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest minħabba r-rekord kriminali tiegħu

Raġel Malti minn Ħal Safi inżamm taħt arrest fuq akkużi ta' serq minn diversi karozzi f'Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, Wied il-Għajn u l-Marsa bejn Ġunju u Ottubru.  Ir-raġel tpoġġa taħt seba' atti ta' akkuża lkoll relatati ma' serq aggravat u ħsara kriminali. 

Hu kien akkużat ukoll bil-pussess ta' oġġetti ta' valur għoli mingħajr ma seta' jispjega kif dawn kienu għandu filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-probation. 

L-akkużat ta' 36 sena li ma għandux impjieg wieġeb mhux ħati, bl-Ispetturi joġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest minħabba r-rekord kriminali tiegħu. 

Huma spjegaw kif f'Marzu hu kien diġa' ingħata it-tieni ċans, "imma ma ħadux". 

Id-difiża argumentat fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza u kif tapplika wkoll għall-akkużat u fakkret illi dan kellu problema tad-droga li kien qed jindirizza s-Sedqa.  Qalet illi jekk jingħata l-ħelsien huwa se jaħdem f'negozju tal-familja. 

Il-Qorti iżda ma aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest għax qalet li mhijiex konvinta li l-akkużat mhux se jerġa' jwettaq l-istess reat jew inkella jkellem lix-xhieda. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Sarah Zerafa filwaqt li l-avukat Yanika Bugeja mexxiet id-Difiża. 

More in Qrati u Pulizija