Il-Qorti ssib żewġ aħwa ħatja li weġġgħu raġel b'arma waqt argument f'Ottubru li għadda

Il-Qorti ħadet nota tal-fatt li kienet diġa' tat ħafna ċans lil dawn it-tnejn

Żewġ aħwa mill-Ħamrun ingħataw sentenza wara li nstabu ħatja illi f'Ottubru li għadda weġġgħu raġel b'sikkina waqt argument.  Wieħed mill-aħwa ngħata sentenza ta' erba' snin priġunerija u l-ieħor tpoġġa fuq probation għal tliet snin. 

L-aħwa, wieħed ta' 34 sena u l-ieħor ta' 30 sena kienu akkużati b'attentat ta' ġrieħi gravi u li kissru l-paċi pubblika f'Ottubru li għadda wara li attakkaw u weġġgħu raġel. 

Dak iż-żmien il-pulizija qalu illi kien hemm argument fi blokka appartamenti fil-Belt Valletta u ż-żewġt irġiel kienu marru jgħinu lill-ħabib tagħhom.

Wieħed mill-aħwa kien akkużat illi weġġa' b'mod ħafif lill-vittma u li kellu fuqu arma mingħajr liċenzja filwaqt li l-ieħor kien akkużat li weġġa' b'mod ħafif lill-vittma. 

Il-Maġistrat Nadine Lia semgħet kif il-pulizija irċevew telefonata minn ġar u meta waslu fuq il-post kienu sabu ġugarelli mkissrin u demm mal-art.  Sabu wkoll lill-vittma li kien mimli demm minħabba ferita f'rasu.  Is-sieħba tal-vittma u t-tfal tiegħu kienu qed isofru minn xokk. 

Il-Qorti ħadet kunsiderazzjoni tal-fatt li ż-żewġt aħwa għandhom rekord kriminali voluminuż u tilfu ħafna ċansijiet mogħtija lilhom mill-istess Qorti. 

L-Ispettur Jeffrey Scicluna mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Frank Cassa mexxa d-Difiża. 
 

More in Qrati u Pulizija