Manuel Delia b'rikors għax jgħid li ma tħalliex jinvestiga akkużi ta' trattament inuman fil-Ħabs

Huwa għamel aktar rikjesti meta rriżulta li 'Terry ta' Bormla' - kif inhi magħrufa popolarment, ingħtat aċċess għall-ħabs bħala persuna mill-midja

Manuel Delia
Manuel Delia

Il-Blogger u l-ġurnalist Manuel Delia fetaħ rikors Kostituzzjonali kontra l-Ministru għall-Intern, Infurzar u Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u dan wara li minkejja tmien rikjesti hu qatt ma ngħata aċċess sħiħ għall-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u l-priġunieri u l-ebda aċċess għaċ-Ċentru ta' Detenzjoni.  Huwa għamel dawn  ir-rikjesti biex ikun jista' jinvestiga l-veraċità tal-akkużi ta' priġunieri li qalu illi qed jiffaċċjaw tortura u trattament inuman u degredanti. 

L-avukati ta' Manuel Delia fetħu r-rikors kontra l-Ministru Camilleri kif ukoll kontra s-Segretarju Permanenti tiegħu, id-Direttur u l-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, il-Kap tas-Servizzi ta' Detenzjoni, u l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni

Huwa għamel aktar rikjesti meta rriżulta li 'Terry ta' Bormla' - kif inhi magħrufa popolarment, ingħtat aċċess għall-ħabs bħala persuna mill-midja, tant li wara tellgħet fuq Facebook filmati li fihom titkellem dwar din iż-żjara. 

Delia kien infurmat li kien hemm protokolli ġodda għal żjajjar fil-ħabs u kien mogħti aċċess għall-1 ta' Settembru.  Sa issa iżda, għadu ma ngħatax aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni. 

Manuel Delia - attivist ukoll tal-għaqda Repubblika - jgħid fir-rikors tiegħu illi l-allegazzjonijiet, filwaqt li huma suġġett ta' inkjesti maġisterjali, "jirrikjedu skrutinju ġurnalistiku għax jirriflettu falliment fl-amministrazzjoni tal-ħabs."

Hu iżda ma ngħatax l-opportunità jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' ffullar fiċ-ċelel, kundizzjonijiet ta' għixien, aċċess għall-iġene u fatturi oħrajn filwaqt li ma tħalliex jidħol f'ċerti diviżjonijiet tal-ħabs.

"Miż-żjara Delia seta' biss jara l-verżjoni kkontrollata , mogħtija mid-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, li kkonferma l-użu ta' miżuri inumani u degredanti, bħal-siġġu li jirrestrinġi lill-priġunier bħala mod kif tinħoloq il-biża' fil-priġunieri ..." jgħid ir-rikors. 

L-avukati ta' Delia talbu lill-Qorti tiddikjara illi nkissru d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u biex tordna li jingħata aċċess biex jintervista priġunieri u dawk f'detenzjoni u għalhekk jiskopri il-verità dwar l-allegazzjonijiet. 

L-avukati li ffirmaw ir-rikors huma Paul Borg Olivier, Andrew Borg Cardona u Evelyn Borg Costanzi. 

More in Qrati u Pulizija