Prova jaħrab mit-tieqa ... Jinżamm arrestat it-tieni akkużat tal-qtil doppju f'Tas-Sliema

Il-Pulizija tispjega kif waslet għall-arrest ta' Viktor Dragomanski wara li persuna għarfitu minn filmat tas-CCTC

Victor Dragomanski
Victor Dragomanski

It-tieni raġel li ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski ttella’ l-Qorti llum u nżamm arrestat.

Viktor Dragomanski, li għandu 36 sena u li huwa mill-Maċedonja, tressaq akkużat bil-qtil tal-koppja, b’serq, b’pussess ta’ arma, b’serq ta’ vettura u pjanċi tar-reġistrazzjoni.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Avukat Joe Brincat, li qed jidher għall-akkużat, staqsa lill-Prosekuzzjoni tispjega għaliex arrestat lir-raġel, bl-Ispettur James Grech ifakkru li l-Pulizija għandha f’idha l-filmati tas-CCTV tat-tliet persuni involuti fis-serqa.

Spjega kif il-Pulizija rċeviet ukoll informazzjoni li wieħed mill-persuni li jidhru fil-filmat kien Dragomanski. L-istess persuna li tkellmet mal-Pulizija qaltilhom ukoll fejn joqgħod l-akkużat.

Kompla jgħid kif meta l-Pulizija ħabbtu mal-bieb tal-kamra fil-lukanda fejn kien jgħix, l-akkużat ipprova jaħrab mit-tieqa iżda nqabad ftit wara.

Il-Qorti kkonfiskat l-assi kollha tiegħu.

Ilbieraħ tressaq ukoll il-Qorti Daniel Muka, meqjusa bħala l-moħħ wara dan il-qtil. Huwa wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija