Quddiem il-Qorti wara li uża spray fuq il-blat u ħitan tas-sejjieħ fil-Park tal-Majjistral

Raġel anzjan li tella' grupp ta' atleti uża spray mal-blat u ħitan tas-sejjieħ f'żona protetta biex juri lill-atleti minn fejn għandhom jiġru

Uħud mill-marki fuq ġebel u ħitan tas-sejjieħ
Uħud mill-marki fuq ġebel u ħitan tas-sejjieħ

Pensjonant Franċiż  ta' 73 sena tressaq quddiem il-Qorti wara li uża spray aħmar fuq il-blat u ħajt tas-sejjieħ fil-Park Naturali tal-Majjistral fil-Mellieħa. 

Ir-raġel, li qed joqgħod f'lukanda fil-Mellieħa stess, kien akkużat bi ħsara intenzjonata fuq proprjetà tal-Gvern bl-ispiża biex din il-ħsara tiġi rranġata taqbeż l-€2,500.

Il-Maġistrat Victor Axiak sema' kif nhar is-26 ta' Awwissu l-akkużat li huwa wkoll direttur ta' aġenzija tal-ivvjaġġar għamel ħsara fuq il-flora u fawna u l-abitat naturali f'dan il-park u li kiser ukoll diversi liġijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent. 

L-Ispettur Elliot Magro kien mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-ERA irċeviet rapporti dwar dawn is-sinjali li tpoġġew bħala indikazzjoni ta' minn fejn kellhom jgħaddu jiġru atleti li huwa ġab Malta. 

Il-Pulizija li sabu l-bottijiet tal-ispray fil-karozza, qalu lir-raġel li jekk ma jridx illi jieħdu passi jeħtieġ ineħħi l-marki li għamel.  Għall-ewwel hekk għamel imma ftit wara beda jaħbihom bil-ħamrija. 

L-avukat tal-Franċiż Joe Brincat wieġeb 'definittivament mhux ħati' għall-klijent tiegħu u talab għall-ħelsien mill-arrest, xi ħaġa li l-Ispettur Magro ma oġġezzjonax għaliha, bid-dettalji tiegħu jitħallew bħala garanzija. 

 

 

More in Qrati u Pulizija