Estradit lejn Malta wara Mandat ta' Arrest Ewropew fuq każ ta' frodi li seħħ fl-2013

Fl-2013 kien sar rapport minn sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien  falz

Wara investigazzjoni twila mill-Pulizija stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’rabta ma’ każ ta’ frodi ta’ madwar €75,000, li seħħ fl-2013, wasslet biex ġiet identifikata persuna oħra li allegatament kienet involuta f’dan ir-reat.

Wara li kien inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, raġel ta’ 35 sena, imwieled in-Niġer, kien arrestat fi Franza u ġie estradit lejn Malta.

Ir-raġel wasal Malta fl-aħħar sigħat eskortat minn żewġ Pulizija Maltin

Lura f’Ottubru tal-2013, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-Kongo hekk kif kienu se jaħarbu minn Malta, mill-Port il-Kbir. 

Huma kienu arrestati ftit tas-sigħat wara li sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien deheb falz. 

Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni nvoluti kienu laħqu telqu bil-flus f’idejhom. 

Fil-jiem ta’ wara, f’Ottubru 2013, iż-żewġt irġiel mill-Kongo kienu tressqu l-Qorti u kienu akkużati li għamluha ta’ negozjanti tad-deheb u permezz ta’ deheb falz, ingannaw sid ta’ ħanut is-somma ta’ €75,000. 

F’Awwissu tal-2014 huma kienu instabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ikkundannati sentejn u sitt xhur priġunerija kull wieħed. 

Iżda l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma waqfux hawn hekk kif irriżulta li f’dan il-każ kienet involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport. 

Bdew investigazzjonijiet mill-Pulizija stazzjonati mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn irriżulta li l-persuna mfittxija x’aktarx qiegħda fi Franza.

Il-Pulizija Maltija, assistiti mill-Pulizija Franċiża, wasslu biex tkun identifikata fejn tinsab din it-tielet persuna nvoluta f’dan ir-reat u nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin. 

Ir-raġel ta’ 35 sena, imwieled in- Niġer kien arrestat fi Franza. 

Fil-jiem illi ġejjin, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti sabiex jibda’ jgħaddi proċeduri b’rabta mar-reat ta’ allegat frodi li seħħ seba’ snin ilu. 

More in Qrati u Pulizija