L-eks Kummissarju tal-Pulizija jgħid li hu ma kienx involut fl-investigazzjoni dwar Melvin Theuma

L-eks Kummissarju tal-Pulizija jixhed fil-każ kontra Yorgen Fenech u mistoqsi dwar il-maħfra Presidenzjali lil Melvin Theuma

Hekk kif bħalissa Melvin Theuma jinsab l-Isptar Mater Dei fejn qed jiġi kkurat għall-ġrieħi li sofra, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qed jixhed fil-każ kontra Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Fix-xhieda tiegħu l-eks Kummissarju jisħaq illi kull min qed jgħid li ħa xi flus biex Melvin Theuma jingħata maħfra qed jigdeb.  

Fix-xhieda tiegħu Cutajar jisħaq li kien Theuma li staqsa għal din il-maħfra u li l-laqgħat bdew isiru ladarba kien hemm ir-rekordings.  Huwa qal illi kienu jsiru ħafna laqgħat f'Kastilja qabel l-14 ta' Novembru (Fil-25 ta' Novembru ġiet iffrimata l-Maħfra Presidenzjali) dwar l-investigazzjonijiet li kienu jiddiskutu din il-maħfra Presidenzjali u li f'dawn kien ikun hemm l-eks PM Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff Keith Schembri. 

Huwa mistoqsi mill-avukati tad-difiża dwar it-tapes li qal illi ma kinux miftuħin jew li instemgħu fil-preżenza tiegħu u li kienu mogħtija lill-Maġistrat Inkwirenti. 

'X'iddiskutejt ma' Melvin Theuma off record?' jistaqsu lil Cutajar. 

"Theuma inizzjalment ried li jkun iffirmat Memorandum of Understanding għax ma kienx qed jafdana," saħaq Cutajar.  Jidher li dan il-ftehim kien miktub mill-Avukat Ġenerali u ffirmat minnu u l-eks PM Joseph Muscat.

L-eks Kummissarju jgħid illi ma kienx involut fl-interrogazzjoni ta' Theuma għalkemm ma jeskludix li seta' kien preżenti u sema' biċċiet minnha. 

Interessanti imbagħad li d-Difiża permezz tal-Avukat Charles Mercieca kompliet tistaqsi:

'X'wasslek biex tikkonkludi li l-informazzjoni ta' Theuma hija vera u ta' min joqgħod fuqha?'

'Jiena ma wasaltx għal dik il-konklużjoni, l-investigaturi waslu għal dik il-konklużjoni' wieġeb Cutajar. 

 'Jiġifieri inti qatt ma smajt informazzjoni bħal din?'

Cutajar, issa rritat, reġa' qal illi l-investigaturi ddeċidew u fakkar illi hu ilu jgħid dan.  'Theuma ma staqsiex lili għall-maħfra.'

Mistoqsi għal min kien qed jistaqsi Thuema, Cutajar sostna li kien qed jitlob għall-avukati:  'Staqsa għal Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami ... li huwa ċert hu li ried avukat nazzjonalist."

More in Qrati u Pulizija