Kien il-Koħħu li kixef lil Melvin Theuma ... iżda 'minn fuq qalu li x-xhieda tiegħu hija xniegħa'

Jixhed l-Avukat Arthur Azzopardi li kien l-avukat tal-Koħħu u jgħid x'ġara malli dan kien beda jikxef

Il-Vince Muscat (Il-Koħħu)
Il-Vince Muscat (Il-Koħħu)

Kien Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu u wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, illi semma' lil Melvin Theuma l-ewwel darba. Fit-tmiem tal-2018 il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, l-eks Deputat Kummissarju , l-eks PM Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri kienu nfurmati b'dan. 

Wara din il-laqgħa l-aħwa Degorgio kkonfrontawh u qalulu li jafu illi qed jikxef u f'laqgħa oħra qalulu li jafu x'qed jikxef. 

Minn hemmhekk 'il quddiem il-Koħħu qatt ma tħalla waħdu, l-ikel li jiekol kien qed jiġi ċċekkjat u darba, waqt funeral, kien mar ikellmu l-Ministru Owen Bonnici, dak iż-żmien tal-Ġustizzja, li qallu li hu jista' jagħti Maħfra Presidenzjali waħda biss. 

Dan żvelah fix-xhieda tiegħu l-avukat Arthur Azzopardi illum fil-Qorti li qal illi minn hemmhekk it-theddid kompla jiżdied.  Azzopardi kien qed jixhed  fl-Inkjesta Pubblika, fl-istess ġimgħa illi fiha xehed ukoll l-Ispettur Ian Abdilla, li kien imexxi l-Unit tar-Reati Ekonomiċi fil-Korp tal-Pulizija.  Azzopardi kien l-avukat tal-Koħħu fil-bidu tal-proċess.

Mistqosi għalfejn il-Koħħu ma ngħatax maħfra Presidenzjali Azzopardi qal li darba f'laqgħa mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dan qallu li "minn fuq ġejja li x-xhieda tiegħu hija xniegħa".

 

More in Qrati u Pulizija