"Is-sitwazzjoni mhix normali ... kif inhuma l-affarijiet kollox wieqaf u l-akkużat m'għandu ebda idea x'se jiġri. U aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar se jkollna problemi. Mhux sew li l-klijent tiegħi jinżamm taħt arrest. Il-każ kontra Yorgen Fenech pospost għal erba' xhur jistenna tliet xhieda u Fenech għadu l-ħabs. Raġel innoċenti mhux suppost qiegħed il-ħabs."
Hekk sostna l-avukat ta' Yorgen Fenech - Gianluca Caruana Curran - illum ftit qabel ma l-Qorti fil-fatt ċaħdet l-akkuża ta' Fenech illi qed jinżamm arrestat kontra l-liġi fid-dawl tas-sospensjoni indefinita tal-Qorti.
Caruana Curran qal illi kif taf il-Qorti - l-ebda evidenza mhi qed tinstema' u l-avviż legali tal-Avukat Ġenerali waqqaf kollox b'mod indefinit ... fl-Istati Uniti kienu se jagħmlu bħal Malta imma mbagħad il-Kungress waqqaf kollox minħabba li dan kien joħloq problemi umanitarji enormi.
L-avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sostniet iżda li t-talba ta' Fenech hija "frivola" għax id-detenzjoni mhijiex indefinita. Fakkret illi minkejja li l-Qorti kienet sospiża l-avviż legali ma jwaqqafx lill-Qorti milli tiftaħ f'każi urġenti.
"Sal-bieraħ stess il-Qorti fetħet b'urġenza dwar ħelsien mill-arrest ... din mhijiex talba għall-ħelsien mill-arrrest, allura fejn qed issir l-illegalità? Jekk Fenech ried jattakka l-avviż legali dan ma kienx il-metodu t-tajjeb u l-Qorti mhux il-post propizju."