Sentenza ta' ħabs għal 19-il immigrant li qajmu rewwixta f'Ħal Safi

Huma ngħataw sentenza ta' sena ħabs kull wieħed ħlief għal wieħed ta' 17-il sena li ngħata sentenza ta' disa' xhur ħabs

Dsatax minn grupp ta’ 20 immigrant li kienu tressqu l-Qorti wara rewwixta fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi, ingħataw sentenza ta’ ħabs hekk kif instabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Fost dawn, wieħed mill-ħatja għandu 17-il sena.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti osservat li kien hemm nuqqas ta’ qbil fl-evidenza, b’mod partikolari fl-affarijiet li ġarbu ħsarat u anke kemm dawn jiswew.

Wieħed mill-akkużati ma nstabx ħati wara li ħames ħaddiema taċ-ċentru saħqu li ma rawhx jipparteċipa fir-rewwixta.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-irġiel kellhom kondotta nadifa għax kienu ilhom biss ftit xhur f’Malta u kien impossibbli li l-prosekuzzjoni ġġib il-kondotta mill-pajjiżi tagħhom.

L-irġiel ingħataw sentenza ta’ ħabs kull wieħed. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ngħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs.

Iż-żmien ilhom arrestati se jitnaqqas mis-sentenza.

More in Qrati u Pulizija