Raġel jinstab ħati li attakka lis-sid ta' post li kien qed jikri b'zappuna

Ir-raġel mis-Siġġiewi tpoġġa fuq probation għal tliet snin u kien ordnat ma jersaqx lejn il-vittma għal sena

Raġel instab ħati illi attakka lil sid il-kera ta' appartament li fih hu kien l-inkwilin.  L-attakk sar b'zappuna u ħalla lill-vittma bi ksur fix-xewka ta' daharu.

Ir-raġel mis-Siġġiewi tpoġġa fuq probation għal tliet snin u kien ordnat ma jersaqx lejn il-vittma għal sena.  Il-Qorti ordnatu wkoll  jħallas €2,000 bħala garanzija personali wara li nstab ħati illi weġġa' b'mod serju lill-istess vittma. 

Inizzjalment hu kien akkużat b'attentat ta' qtil imma dawn l-akkużi twaqqgħu mill-Avukat Ġenerali.

L-Ispettur Tony Cachia li kien qed jinvestiga l-każ qal lill-Qorti x'ġara waqt l-attakk u l-affarijiet li ntużaw, fosthom iz-zappuna u pepper spray.

Il-Qorti semgħet kif f'Awwissu 2011 sid il-kera kien biddel is-serratura tal-bieb diversi drabi. Dan seħħ wara illi nhar l-inċident omm is-sid qabdet u daħlet fl-appartament mingħajr il-permess tal-inkwilin.  Meta ma rat xejn mill-affarijiet tal-aggressur - ħlief il-qattusa - ħasbu li abbanduna l-appartament.  Wara iżda ltqagħu miegħu fit-triq u hu wiegħed li se jkun qed iħallas dak dovut. 

Wara li stennew sagħtejn biex jiġi bil-flus, omm is-sid ordnat li jinbidlu s-serraturi.  Filgħaxija għal ħabta tad-9:00 p.m l-agressur ċemplilha jistaqsi għal binha. Binha, flimkien ma' missieru marru ħdejn l-appartament fejn l-argument bejn dawk preżenti spiċċa f'wieħed vjolenti. 

Wara li l-Qorti rat il-filmati CCTV  ma laqgħetx l-argument tal-avukati tal-aggressur, Franco Debono u Marion Camilleri. Dawn sostnew illi l-klijent tagħhom daħal biss fil-ġlieda biex jiddeendi lill-iben. 

Il-Qorti, fis-sentenza, sostniet illi l-akkużat għandu rekord kriminali pjuttost inkwetanti bil-Maġistrat josserva illi dan kien qed jipprova jegħleb il-vizzju tad-droga kokaina.

B'hekk sabet lill-agressur ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

 

More in Qrati u Pulizija