Telqu lil xulxin, iltaqgħu u ġew fl-idejn; Ir-raġel jinżamm arrestat

Raġel ta' 30 sena wieġeb mhux ħati li ta daqqa ta' ponn lis-sieħba tiegħu waqt ġlieda fil-karozza wara party

Raġel ta’ 30 sena nżamm arrestat wara li tressaq akkużat li ta daqqa ta’ ponn lis-sieħba tiegħu wara ġlieda fil-karozza.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Ispettur Robert Vella spjega kif l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11:30pm fil-Marsa ftit wara li telqu minn party.

Jidher li l-akkużat kien qed isuq il-karozza tal-mara meta kellhom xi jgħidu u r-raġel refa’ idejh fuqha.

Wara l-ġlieda, il-mara telqet bil-karozza u hu kompla bil-mixi. 

Meta kienet qed issuq, il-mara twaqqfet minn road block u qalet kollox lill-Pulizija.

L-Avukat tad-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest waqt li saħqet li dan mhux każ normali ta’ vjolenza domestika.

Fi kliemha, l-akkużat ipprova jitlaq diversi drabi, iżda l-mara dejjem ikkonvinċitu biex jibqa’

Meta ddeċieda li jitlaqa’, il-mara baqgħet iċċempillu.

“Iltaqgħu lbieraħ u seħħet il-ġlieda. Hija tatu daqqa f’għajnejh u hu mbuttaha. Telaq mill-karozza u kompla bil-mixi sakemm ġabru missieru u ħadu fid-dar tagħhom,” qalet l-Avukat. “Huwa ma jridx jerġa’ jiltaqa’ magħha.

Madanakollu, minkejja n-natura tal-akkużi, il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat.

More in Qrati u Pulizija