Żagħżugħ bla dar jisraq karozza ta' qassis u jaħbat biha

Iż-żagħżugħ beka fil-Qorti għax saħaq li meta ħareġ mill-ħabs ma sab lil ħadd mill-familja tiegħu biex jappoġġjah u spiċċa fit-triq

Żagħżugħ ta’ 26 sena wieġeb mhux ħati li seraq il-karozza ta’ qassis waqt li dan kien qiegħed iqaddes.

L-Ispettur Fabian Fleri qal lill-Maġistrat Nadine Lia kif nhar il-5 ta’ Frar, il-pulizija ċemplu lill-qassis biex jinfurmawh dwar inċident li kien għadu kemm seħħ bil-karozza tiegħu. Sa dak il-ħin, il-qassis lanqas kien għadu nduna li serqulu l-karozza.

Iż-żagħżugħ, ta’ 26 sena, li ma għandux fejn jgħix, tressaq akkużat li seraq il-vettura minn quddiem il-Knisja tas-Salib Imqaddes f’Ħaż-Żabbar, li seraq iċ-ċwievet tagħha mill-knisja, li kkawża ħsara fuq il-vettura u li sar reċidiv.

L-Ispettur spjega kif iż-żagħżugħ seraq il-karozza u ftit tal-ħin wara ħabat biha. Jidher li ż-żagħżugħ kien għadu kemm mar għand l-istess qassis biex jitolbu l-flus u sakemm mar biex iġib il-wallet, dan seraqlu ċ-ċwievet.

Wara li ħabat, iż-żagħżugħ qal lill-Pulizija li kien jismu Emanuel Cuschieri, isem fittizju.

Madanakollu, kamera tas-CCTV, ġibdet liż-żagħżugħ jisraq l-karozza. 

Jidher ukoll liż-żagħżugħ għandu l-vizzju tad-droga.

Huwa se jkun qed jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli.

“Wara sentejn il-ħabs u wara li spiċċajt bla dar, sibt il-bibien tal-familja tiegħi kollha magħluqa. Mhux ċajta. Suppost ikunu l-aqwa jiem ta’ ħajtek meta titlaq il-ħabs,” beka l-akkużat fil-Qorti.

Il-Maġistrat Nadine Lia ħeġġitu biex jibda jindirizza l-vizzju tad-droga.

“Mhijiex problema. Hija marda,” qalilha jibki.

More in Qrati u Pulizija