Aġġornata | It-tabib Vella jisma' lil Fenech jgħid: 'Jekk ninżel jien...Keith jinżel miegħi'

It-tabib Adrian Vella jgħid li kien sema lil Yorgen Fenech jgħid: "Jekk ninżel jiena, inniżżel lil Keith miegħi"

Dalgħodu qed tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel xhud illum huwa l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li tul ix-xhieda tiegħu kkonferma li l-Pulizija rat il-konverżazzjoni li Keith Schembri u Yorgen Fenech kellhom ġurnata qabel dan tal-aħħar ġie arrestat.

Xehed ukoll kif skont it-tabib Adrian Vella, Keith Schembri ma kellux x'jaqsam mal-pjan tal-ħarba ta' Yorgen Fenech, bit-tabib jinsisti li Fenech iddiskuta l-ħarba ma' zijuh Ray u ħuh Franco u dan wara li Melvin Theuma kien arrestat.

It-tabib qal ukoll lill-Pulizija li meta Yorgen Fenech kien qed jiddiskuti l-ħarba tiegħu ma' ħuh Franco, sema lil Yorgen Fenech jgħid: "Jekk ninżel jiena, inniżżel lil Keith miegħi."

Tul il-kumpilazzjoni, ħareġ ukoll li l-Pulizija qatt ma kkonfiskat il-mowbajl ta' Keith Schembri għax qalilhom li tilfu. Arnaud ikkonferma wkoll li Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra'

        Aqra wkoll: Yorgen Fenech jitlob il-ħelsien mill-arrest​

Theuma jgħid lil Degiorgio li għandu l-problemi ma' Yorgen Fenech

L-Ispettur Keith Arnaud spjega kif Melvin Theuma kien jikkommunika ta' spiss mal-aħwa Degiorgio fil-ħabs, permezz ta' Mario Degiorgio.

Xehed kif kien hemm perjodu meta Theuma beda jidher eċitat. Kien jgħid lill-kollegi tiegħu li kellu problemi ma' Yorgen Fenech iżda ma kienx ċar ħafna dwar dak li kien qed jirreferi għalih.

Hawnhekk joħroġ ċar li Melvin Theuma beda jirrekordja t-telefonati tiegħu ma' Yorgen Fenech.

L-arrest ta' Theuma u l-kaxxa li kellu

L-Ispettur spjega kif l-iskwadra tal-omiċidji ma kellix tkun involuta fl-arrest ta' Theuma, iżda fl-14 ta' Novembru tal-2014, It-Taqsima tar-Reati Kriminali informawh li Theuma, probabbilment, kien se jmur xi mkien fejn kienu jilgħabu l-flus fuq l-idejn u hemm jeħles mill-evidenza.

Kien hawn li l-Pulizija arrestat lil Theuma, lis-sieħba tiegħu u anke lit-tifla tagħha.

Theuma qal lill-Pulizija li kien lest jgħidilhom kollox dwar il-kaxxa li kellu fuqu. Din infetħet, sar inventarju u l-Europol kompliet tinvestiga l-kontenut.

Theuma jitlob il-maħfra u jibda jikxef

Skont l-Ispettur Arnaud, Theuma kien talab il-maħfra Presidenzjali u wara bdew in-negozjati fis-16 ta' Novembru beda jkunu mitkellem.

Qal li l-ewwel tħalla jitkellem hu iżda mbagħad semmgħuh ir-recordings.

"Ir-recordings ħarġu ismijiet li qabel ma konnix smajnihom. Kenneth Camilleri u Keith Schembri," qal Arnaud.

'Uża isem Keith biex jintimida lil Fenech'

Kompla jgħid kif Yorgen Fenech kien ta xi flus lil Melvin Theuma biex imur btala mal-familja. Sadanittant Fenech kien arrestat u nstabet ittra miktuba bl-idejn li aktar tard Theuma ammetta li kiteb.

"Kien iffissat fuq il-fatt li kien fil-periklu. Hu kien l-intermedjarju u l-aħwa Degiorgio ma kinux jafu lil Fenech. Mela jekk jinqatel, Fenech kien jinħeles," saħaq Arnaud.

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

L-Ispettur insista li Melvin Theuma uża isem Keith Schembri, inkluż fl-ittra, biex jintimida lil Yorgen Fenech u jassigura li hu ma jkunx fil-periklu.

Fenech ibiddel il-verżjoni fuq Keith Schembri

Arnaud spjega kif il-Pulizija kellmu lil Yorgen Fenech erba' darbiet. Dak li qal Yorgen kien investigat. Insista li dak li ntqal fuq Keith Schembri u dak li nstema' fir-recordings kien jaqbel u propju għalhekk ma arrestawx lil Schembri.

Iżda Arnaud saħaq li fl-istess ġurnata li ngħatat il-maħfra lil Theuma, Fenech biddel il-verżjoni u anke hu talab il-maħfra "iżda din id-darba l-verżjoni tiegħu fuq Keith Schembri nbiddlet."

Huwa qal li biddel il-verżjoni għax meta ta l-ewwel l-ewwel żewġ verżjonijiet kien imwiegħed il-maħfra. 

Yorgen Fenech jgħid li Keith Schembri spjegalu kif jista' jieħu l-maħfra Presidenzjali

Keith Arnaud kompla jisħaq li Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li meta kien fuq police bail, darba l-Ħadd, mar għandu d-dar it-tabib Adrian Vella u dan tah dokument.

Dan id-dokument kien jinkludi verżjoni li Fenech kellu jgħid lill-Pulizija u jekk jagħmel hekk kellu jingħata l-maħfra Presidenzjali.

Jinsisti li lit-tabib Vella kien bagħtu Keith Schembri.

It-tabib Vella jammetti li għadda dokument lil Fenech mingħand Keith

It-tabib Vella, skont l-ispettur Arnaud, kien ġie arrestat u mill-ewwel ammetta li kien għadda d-dokument. Dan kien tahulu Keith Schembri wara li Yorgen Fenech kien bagħtu għandu.

Insista li hu qatt ma ħares lejn id-dokument għax kien issiġġilat f'envelop. 

It-tabib Vella ħassar kollox minn fuq il-mowbajl

L-Ispettur kompla jispjega kif il-Pulizija riedet tanalizza l-mowbajl tat-tabib.

"Kollox kien ħassa," saħaq l-Ispettur Arnaud. 

Mistoqsi għaliex arrestaw lit-tabib, Arnaud spjega kif għall-bidu kien biss suspettat iżda mbagħad beda jbiddel ħafna l-verżjonijiet.

X'sar minn dan id-dokument?

"Id-dokument ingħata lill-Pulizija. Dan kien ittajpjat fuq il-kompjuter u kellu ħafna kliem u taħżiż bil-pinna. Meta mistoqsi dwar dan id-dokument,  Fenech insista li hu kien kiteb fuqu għax ma kienx jaqbel mal-kontenut," kompla jixhed Arnaud.

Kompla jispjega kif skont Fenech, dokument ieħor, b'font differenti, kien wasal għandu mingħand Keith Schembri permezz tal-istess tabib Vella. Dan wasal għandu meta kien żaru l-ewwel darba fil-lockup.

Skont Arnaud, dan id-dokument kien twil żewġ paġni. It-tieni dokument kien intiż li jagħmel l-ewwel wieħed aktar dettaljat.

Fenech jgħid li rrekordja l-konverżazzjoni ma' Schembri ġurnata qabel arrestawh

Arnaud kompla jixhed li Fenech qalilhom li ġurnata qabel arrestawh kellu kuntatt ma' Keith Schembri u hu żamm din il-konverżazzjoni. Ilbieraħ Keith Schembri stess ikkonferma dan.

Il-Pulizija vverifikat dan billi analizzat il-mowbajl ta' Fenech.

'Jekk ninżel jien inniżżel lil Keith miegħi'

Arnaud kompla jgħid li t-tabib qal lill-Pulizija li kien sema lil Yorgen Fenech jgħid li "jekk jinżel hu, se jniżżel lil Keith miegħu."

       Aqra wkoll: Keith Schembri jgħid lill-Pulizija li tilef il-mowbajl

X'sabu fil-mowbajl?

Apparti 'l fuq minn 140,000 ritratt, sabu wkoll screenshot ta' meta Kieth Schembri wieġeb 'leeee' għall-mistoqsija ta' Yorgen Fenech dwar jekk hux qed isegwuh. 

Dan kollu kien ikkonfermat minn Keith Schembri lbieraħ fil-Qorti.

Fenech kien qal lil zijuh li kien se jaħrab lejn Franza

L-Ispettur ikompli jispjega kif fuq il-mowbajl, sabu konverazzjoni bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray dwar l-aħħar żviluppi.

'Jekk ninżel jien, inniżżel miegħi lil Keith'
'Jekk ninżel jien, inniżżel miegħi lil Keith'

Fenech jgħidlu li kellu jitlaq minn Malta mingħajr ma jkun intraċċat.

Huwa kien qed jippjana li jmur Franza u zijuh kien issuġġerixxa lil Fenech biex ma jużax il-kards tal-bank.

'Schembri ma kellux x'jaqsam mal-ħarba'

L-Ispettur qal li t-tabib Adrian Vella kkonferma mal-Pulizija wkoll li kien hemm pjan biex Yorgen Fenech jaħrab fil-weekend ta' qabel fil-fatt ġie arrestat.

Mistoqsi dwar Keith Schembri, it-tabib insista li l-eks Chief of Staff ma kellux x'jaqsam ma' dan il-pjan.

It-tabib qal li wara l-arrest ta' Theuma, Fenech kien ippanikjat. Vella kien offrilu li jmur ftit jiem fil-farmhouse li kellu Għawdex biex jikkalma u jkellem lill-avukati.

Qal li tellgħu hu bil-karozza tiegħu. Fenech libes nuċċali tax-xemx u beritta, poġġa baxx fil-karozza u fuq il-vapur ma ħarġux mill-karozza.

It-tabib jgħid li Fenech iddiskuta ma ħuh kif se jaħrab 

It-tabib Vella, kompla jgħid l-Ispettur, qalilhom kif meta kienu Għawdex, Fenech iddiskuta ma ħuh Franco l-pjan biex jaħrab.

L-idea kienet li jaħrab lejn Tuneż bid-dgħajsa. "Schembri ma kellu xejn x'jaqsam ma' dan il-pjan, qalilna t-tabib," xehed l-Ispettur.

L-avukati ta' Yorgen Fenech jistaqsu lil Arnaud dwar Kenneth u Keith

Keith Arnaud ikkonferma li Kenneth, fi żmien meta mar għand Melvin Theuma kien Pulizija u anke security tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Skont Melvin Theuma, dan "Kenneth minn Kastilja" kien mar għandu u qallu li t-tlett irġiel kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed meta jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Dwar Keith Schembri, l-ispettur saħaq li sar jafu biss waqt il-laqgħat li kien ikollhom Kastilja biex il-Pulizija tinforma lill-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi tal-investigazzjoni.

Insista li qatt ma kellu laqgħat waħdu ma' Keith Schembri. 

Ġurnalist informa lil Yorgen Fenech?

Kompla jistaqsi l-Avukat u d-Deputat Jason Azzopardi. Staqsa lil Arnaud jekk fil-mowbajl ta’ Fenech sabux xi informazzjoni li għadda xi ġurnalist lil Yorgen Fenech.

Arnaud qal li mhux ċert iżda jemmen li Fenech kien informat minn dak li qed jingħad fuq il-midja u għalhekk iddeċieda li jaħrab.

Il-Ministru Chris Cardona
Il-Ministru Chris Cardona

Jistaqsi dwar l-ittra li timplika lil Chris Cardona

Jason Azzopardi kompla jistaqsi u jikkwota mill-ittra li skont Yorgen Fenech bgħatlu Keith Schembri permezz tat-tabib komuni tagħhom Adrian Vella.

Beda jistaqsi jekk “Toni l-iblah” li jissemma fl-ittra huwiex Anthony Sammut, bl-Ispettur jikkonferma u jgħid li dan jaħdem fil-Ministeru ta’ Chris Cardona.

Fl-istess ittra, il-Ministru Chris Cardona huwa referut bħala “CC.” Azzopardi jikkwota minn paragrafu li fih jingħad li CC ried jeħles minn Daphne Caruana Galizia minħabba l-istorja tal-Acapulco.

“Yorgen Fenech ta lill-Pulizija dettalji dwar informazzjoni li allegatament qallu dwarha Melvin Theuma qabel id-delitt, jiġifieri li kien hemm pjanijiet oħra biex tinqatel Daphne Caruana Galizia minn żewġ persuni. Wieħed minnhom illum mejjet u l-ieħor minn Chris Cardona,” wieġeb Arnaud.

Staqsih jekk id-data tat-telefonati fil-każ tal-libell li Cardona fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia kinux investigati wkoll 

“Jiena investigajt l-allegazzjoni dwar Ferdinand’s, jiġifieri jekk hux vera li Cardona u l-irġiel l-oħra ltaqgħu ma’ David Gatt li ppjana kollox. Gatt ġieli deher fit-tinda tal-patata,” kompla Arnaud.

X'gara l-ġimgħa li għaddiet?

Il-kumpilazzjoni kontra Fenech bdiet il-ġimgħa li għaddiet bix-xhud ewlieni jkun Melvin Theuma, l-intermedjarju li ngħata l-maħfra Presidenzjali.

Ħareġ li Melvin Theuma kien ossessjonat biex it-tlett irġiel akkużati li wetqu l-qtil tal-ġurnalista jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Qal li kien kellem lil Yorgen Fenech u dan qallu li Keith Schembri, l-eks Chief of Staff se jara x’jista’ jagħmel.

Qal ukoll li ċertu "Kenneth minn Kastilja" (li kien security ta' Joseph Muscat) kien mar għandu u qallu li t-tlett irġiel kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed meta jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Iżda l-istess Kenneth ipprova jitfa l-ħtija tal-assassinju fuq Theuma wkoll. 

Theuma kien qed jibża’ wkoll li Keith Schembri se jgħin lil Yorgen Fenech biex jeliminaw lilu jew inkella jiftgħuh l-ħabs.

Aqra wkoll

More in Qrati u Pulizija