Jhedded lil martu li joqtolha jekk ikun jaf li għandha ieħor

Ir-raġel ġie akkużat bi vjolenza domestika, wieġeb ħati u ngħata sentenza ta' ħabs sospiża

Argument verbali bejn koppja waslet biex raġel ikun akkużat bi vjolenza domestika.

L-Ispettur Trevor Micallef ressaq lir-raġel quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud dalgħodu.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel u l-mara ilhom 25 sena miżżewġa u kellhom erbat itfal.

Jidher li l-mara telqet ‘il barra mid-dar sitt ġimgħat ilu u l-koppja qed tissepara.

Madanakollu jidher li kellhom xi jgħidu fl-aħħar jiem, bir-raġel jhedded lil mara li joqtolha jekk ikun jaf li għandha lil xi ħadd ieħor u li kien lest iniffidha b’biro.

Jidher li l-mara marret tirraportah lill-Pulizija u anke fittxet l-għajnuna tal-Appoġġ.

L-Appoġġ ikklasifika dan il-każ bħala wieħed b’riskju għoli u r-raġel ġie arrestat.

L-Avukat tar-raġel saħaq li l-inċident tkabbar ħafna tant li wara l-ġlieda r-raġel u l-mara marru d-dar flimkien.

Huwa wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ 8 xhur ħabs sospiżi għal sena.

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-ħames snin għall-mara.

More in Qrati u Pulizija