Il-Qorti tiddikjara li l-avukat tal-aħwa Degiorgio kiser il-liġi

Dan wara li bagħat ir-rapport tal-FBI lil kumpanija Amerikana li ma għandha xejn x'taqsam mal-każ

Wieħed mill-Avukati li qiegħed jirrappreżenta tnejn mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kiser il-liġi meta bagħat kopji tar-rapport tal-FBI lil kumpanija Amerikana.

Qalet dan il-Qorti hekk kif bdiet tisma’ l-applikazzjonijiet li saru dwar l-Att ta’ Akkuża kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia nhar is-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Id-Deputat Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia informa lill-Imħallef Edwina Grima li l-Avukat William Cuschieri li qed jidher għall-George u Alfred Degiorgio bagħat ir-rapport tal-FBI, li huwa wieħed mir-rekords tal-każ, lil kumpanija Amerikana.

Din il-kumpanija mhijiex parti mill-proċeduri u qatt ma tqabdet mill-Qorti biex twettaq xi xogħlijiet dwar dan il-każ.

Galea Farrugia saħaq li dan ir-rapport lanqas il-familja tal-ġurnalista maqtula ma għandhom.

Apparti minn hekk, qal li l-kumpanija żammet ammont konsiderevoli ta’ flus u dan iqajjem il-mistoqsija dwar kif Degiorgio ħallsu għas-servizz meta l-assi kollha tagħhom huma ffriżati.

Il-prosekuzzjoni talbet biex ir-rapport tal-kumpanija Amerikana ma jibqax inkluż mar-rekords tal-każ.

Il-Qorti saħqet li hija l-Prosekuzzjoni li għandha tirrapporta lill-Pulizija iżda ddikjarat li minn hawn ‘il quddiem xejn ma għandu jingħata lil min mhux inkluż fil-każ.

Qalet ukoll li se tkun qed tiddeċiedi dwar it-talba tal-prosekuzzjoni aktar ‘il quddiem.

Intant, Mark Sant se jkun qed jidher għal Vince Muscat hekk kif l-akkużat ma sab l-ebda avukat ieħor lest li jirrappreżentah wara li l-Avukat li kellu għażel li ma jkomplix.

More in Qrati u Pulizija