Laptop Daphne | Il-Qorti tiddikjara li d-drittijiet tal-akkużati mhux qed ikunu miksura

Alfred Degiorgio qed akkuża lill-Kummissarju u lill-Avukat Ġenerali li kisru d-drittijiet tiegħu meta baqgħu ma talbux il-laptop tal-Daphne Caruana Galizia

Il-Qorti Kostituzzjonali saħqet li mhuwiex minnu li l-Pulizija u l-Prosekuturi qed jiksru d-drittijiet tal-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi qed ifallu milli jitolbu lill-familja tagħtihom il-laptop tal-ġurnalista.

L-Avukat William Cuschieri, f’isem Alfred Degiorgio, kien fetaħ każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali biex jisħaq li dawn qed ifallu milli jippreżentaw l-evidenza kollha dwar il-każ.

Cuschieri kien saħaq li huwa importanti li dan il-laptop ikun analizzat għax jista’ jinkludi “informazzjoni sensittiva fuq terzi persuni responsabbli mill-qtil.”

Huwa saħaq li l-Pulizija qed ifallu mill-obbligu tagħhom u anke r-responsabbilità li jiġbru l-evidenza kollha dwar il-każ waqt li akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ma għamel xejn biex jikseb il-laptop.

Huwa akkuża lill-Avukat Ġenerali li lanqas ma għamel xejn biex jassigura li l-evidenza tkun kompluta.

Akkuża wkoll lill-Qorti tal-Maġistrati li ma ħadet l-ebda passi meta l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-laptop ma nstabx u li kien maħsub li dan jinsab fil-pussess tal-familja.

Il-familja Caruana Galizia dejjem insistiet li ma tridx li l-laptop jaqa’ f’idejn l-awtoritajiet Maltin u għalhekk tatu lill-Pulizija Ġermaniża.

Madanakollu, il-Qorti Kostituzjonali saħqet li għadu kmieni wisq biex ikun stabbilit jekk kienx hemm evidenza li kienet preżentata u oħra li ma kinitx u jekk dan jiksirx id-drittijiet tal-akkużati.

Insista li f’dan l-istadju, Degiorgio ma jistax jiddikjara preġudizzju għax ma għandux idea tal-kontenut tal-laptop u kif dan jista’ jgħin il-każ.

More in Qrati u Pulizija