Jinżammu arrestati wara li ppruvaw jisirqu anzjana ta’ 80 sena

L-inċident seħħ fil-ħdax ta' Settembru li għadda

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Żewġ persuni se jinżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti akkużati b’serqa vjolenzti fuq anzjana ta’ 80 sena.

Il-każ seħħ fil-11 ta’ Settembru li għadda fil-Fgura, meta raġel u mara ta’ 27 sena u 33 sena rispettivament użaw il-vjolenzja sabiex jisirqu lil anzjana. Madanakollu, it-tentattiv tal-ħallelin sfaxxa fix-xejn hekk kif l-anzjana rreżistiet dan l-attakk.

Fil-Qorti, iż-żewġ persuni ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi ħfief fuq l-anzjana filwaqt li r-raġel kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Dan tal-aħħar ġie akkużat ukoll li sar riċediv.

Fil-Qorti l-Ispettur Lydon Zammit spjega li l-koppja kienet għażlet li tisraq lil din l-anzjana minħabba li kienet persuna ‘vulnerabbli’. 

L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, bl-avukat tagħhom jitlob għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-din it-talba u argumentat li l-ħelsien mill-arrest m’għandux jingħata minħabba l-fatt li l-anzjana għadha ma tatx ix-xhieda tagħha.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Qorti ordnat sabiex iż-żewġ persuni jinżammu taħt arrest preventiv.

More in Qrati u Pulizija