Talbu lighter u minflok seraqlu l-mowbajl u tah xebgħa

Jibda jinstema l-każ kontra raġel li f'filmat li dar il-midja soċjali jidher qed jagħti xebgħa lil raġel ieħor

Ix-xena tal-ġlieda lbieraħ
Ix-xena tal-ġlieda lbieraħ

Il-vittma ta' attakk vjolenti li seħħ ilbieraħ f'Paceville, qal lill-Qorti illi għax l-aggressur kien iswed ukoll, qatt ma ppretenda li se jattakkah. 

Dan irriżulta mill-każ quddiem il-Qorti kontra Somalu ta' 24 sena li qed ikun akkużat b'serq aggravat bi vjolenza, li kkawża ġrieħi ħfief lill-vittma u li kien fis-sakra. 

Dan wara filmat li lbieraħ dar sew mal-midja soċjali u li fih l-aggressur jidher jattakka lill-vittma bla ħniena u saħansitra deher jagħtih daqqa ta' sieq ġo wiċċu. 

L-Ispettur Matthew Spagnol qal lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras illi l-għassa tal-Pulizija kienet infurmata bir-rapport ta' ġlieda fi Triq San Ġorġ f'Paceville. 

L-avukat Simon Micallef Stafrace li qed jidher għall-akkużat qal illi dan ma jiftakar xejn mill-ġlieda u allura mhux ħati. L-Ispettur fil-fatt sostna li sal-bieraħ filgħaxija, l-akkużat tant kien fis-sakra li lanqas seta' jimxi. 

Il-vittma xehed u spjega kif kien miexi Paceville u dan ir-raġel staqsieh għal lighter. "Kien hemm madwar ħamsa minnhom. Meta kont se ndaħħal idejja fil-but, sieħbu seraqli l-mowbajl u meta ppruvajt nieħdu lura tani daqqa ta' ponn f'għajnejja." 

Il-vittma qal illi kien għadu kemm ħareġ €100 minn ATM u kien qed iżommhom biex jixtri pizza. L-akkużat ħa dawn il-€100 u tahom lil min seraq il-mowbajl. 

Hu qal li ma kienx ċert min tah daqqa ġo rasu u jiftakar biss li qam  l-isptar. Hu sofra minn ġrieħi f'għajnejh u fuq wara ta' rasu kif ukoll f'għonqu. 

Id-difiża ma talbitx ħelsien mill-arrest f'dan l-istadju. 
 

More in Qrati u Pulizija