Sentenza sospiża għal raġel li faqa' flixkun tal-birra f'wiċċ mara 13-il sena ilu

Il-każ kien seħħ f'Jannar tal-2006 f'Paceville bl-akkużat jisħaq li lanqas biss kien preżenti

Raġel li tlettax-il sena ilu kien tressaq il-Qorti akkużat li faqa’ flixkun tal-birra f’wiċċ mara f’Paceville, ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

Il-każ kien seħħ f’Jannar tal-2006.

Kemm ir-raġel u anke l-vittma kienu xehdu u taw verżjoni totalment differenti.

Il-mara kienet irrakkontat kif kienet qed tixrob mal-bar meta żewġ nisa oħra li kienu qed jiżfnu mbuttawha.

Minn hemm bdiet ġlieda bejniethom, bil-bouncers ikollhom jintervjenu.

Aktar tard, raġel mar fuqha u faqa’ f’wiċċ il-vittma flixkun tal-birra.

Il-mara kienet solviet diversi ġrieħi f’wiċċha u anke ksur f’imniħierha.

Iżda l-akkużat ċaħad dan kollu. Saħanistra qal li lanqas biss kien hemm u li lanqas kellu idea min kienet il-vittma.

Dak li qal ir-raġel irreppetewh ukoll ħbieb tiegħu li kienu preżenti waqt il-ġlieda.

Biex tkompli tgħaxxaq, waħda min-nisa involuti fil-ġlieda kienet xehdet li kienet il-vittma li bdiet tiġġieled.

Madanakollu, il-Maġistrat Ian Farrugia qal li l-evidenza pprovduta mill-Prosekuzzjoni kienet aktar kredibbli.

Huwa nstab ħati li kkawża feriti gravi fuq il-mara u għalhekk ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin.

More in Qrati u Pulizija