Jaqbeż mill-gallarija għal għand il-ġirien wara li tliet ħallelin daħlulu d-dar

Raġel tressaq akkużat b'serq aggravat wara li flimkien ma' żewġ persuni oħra daħlu jisirqu minn dar li fiha kien hemm missier u iben

Raġel li tressaq il-Qorti akkużat b’serq aggravat u li weġġa’ resident ta’ dar li daħal jisraq minnha, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel, Libjan, residenti San Pawl il-Baħar, tessaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, akkużat li weġġa’ raġel, b’serq aggravat ta’ mowbajl, li kien fil-pussess ta’ arma li taqta’ u bil-ponta, li kkawża ħsara fuq id-dar li allegatament seraq minnha, li żamm missier u iben kontra r-rieda tagħhom, li heddidhom u li kiser il-paċi pubblika.

L-akkużat huwa wieħed minn tliet persuni li nhar it-22 ta’ Lulju, allegatament daħlu jisirqu minn dar f’San Pawl il-Baħar.

Kameras tas-CCTV juru lill-akkużat jiżgassa l-bieb b’daqqa ta’ sieq, b’xhieda fuq il-post jirrakkontaw kif raw żewġt irġiel jitilqu jiġru minn fuq il-post.

L-Ispettur Godwin Scerri qal li meta wasal id-dar sab il-kamra tas-sodda ta’ taħt fuq, ħġieġ imkisser u anke demm mal-art.

Jidher li t-tlett irġiel sakkru lill-missier u lill-iben f’kamra oħra li kellha gallarija tagħti għal barra. It-tifel irnexxilu jaqbeż mill-gallarija għal għand il-ġirien biex jitlob l-għajnuna, bil-pulizija jaslu ftit wara.

Jirriżulta li l-ħallelin ma laħqu serqu xejn ħlief mowbajl.

Intant, il-Pulizija għadha qed tinvestiga u tfittex liż-żewġ persuni l-oħra li għadhom mhux magħrufa.

Ir-raġel inżamm arrestat, anke jekk l-Avukat tad-Difiża qed jisħaq li l-akkużat ilu 20 sena jgħix Malta u qatt ma daħal fl-inkwiet.

More in Qrati u Pulizija