Daniel Briffa, magħruf bħala il-Gasgas, instab ħati ta’ diversi akkużi kriminali fosthom ħasil ta’ flus, frodi aggravata u pussess illegali ta’ arma tan-nar, wara proċeduri fil-Qorti li bdew b’akkużi ppreżentati kontrih l-Erbgħa.
Il-Qorti semgħet kif Briffa wettaq atti ta’ ħasil ta’ flus fl-2021 permezz tat-trasferiment u l-pussess ta’ proprjetà li kienet direttament jew indirettament miksuba minn attività kriminali. Huwa kien akkużat ukoll li għamel qligħ illegali għad-detriment tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (SSD), li jaqbeż il-€5,000, reat li ġie kkunsidrat aggravata.
Fost l-akkużi l-oħra kien hemm ukoll iċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti foloz maħsuba għal awtorità pubblika, il-pussess illegali ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, kif ukoll il-ġarr ta’ armi bojod mingħajr awtorizzazzjoni. Minħabba sentenzi preċedenti mogħtija mill-Qorti, Briffa ġie kklassifikat bħala reċidiv.
Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ sekwestru u ffriżar tal-assi kollha tal-imputat, inkluż kull proprjetà mobbli u immobbli tiegħu, u tipprojbih milli jittrasferixxi jew jiddisponi minn dawn il-proprjetajiet. Intalbet ukoll il-konfiska tal-qligħ u l-oġġetti kollha relatati mar-reati, f’każ ta’ ħtija.
Matul il-kumpilazzjoni tax-xhieda, diversi persuni xehdu li waqt li l-imputat kien qed iqarraq bid-SSD, kien ukoll qed jipproduċi dokumentazzjoni falza u fl-istess ħin jaħdem bi qligħ, mingħajr ma jiddikjara d-dħul tiegħu lill-Kummissarju tat-Taxxa. Wara analiżi li saret mid-Dipartiment tal-Inland Revenue, inħarġet Letter to Sanction kontra tiegħu.
Xhieda oħra spjegaw li parti mill-fondi depożitati fil-kont bankarju ta’ Briffa kienu ġejjin mid-SSD permezz ta’ direct debits, filwaqt li ammonti oħra daħlu permezz ta’ ċekkijiet. Għalkemm ma nstabux depożiti suspettużi individwali, l-ammont totali akkumulat kien sostanzjali. Fil-fatt, bejn l-2012 u Novembru tal-2021, is-somma totali kkreditata fil-kont tiegħu laħqet €64,841.09.
Wara li nħareġ mandat ta’ tfittxija, il-Pulizija sabu revolver żgħir u mgħobbi fuq il-mejda ħdejn is-sodda fil-kamra tas-sodda tal-imputat. Instabu wkoll diversi oġġetti ta’ valur fuq Briffa, fosthom katina tad-deheb ħoxna, brazzuletta, madwar sitt ċrieki, arloġġ Bulova, kif ukoll snien tad-deheb.
Psikoterapista xehdet li Briffa kien għadda minn kriżi akuta fl-2021, filwaqt li l-Ispettur Matthew Galea qal li waqt l-arrest tiegħu, l-imputat ittieħed fil-poliklinika sabiex jingħata tmien tipi differenti ta’ mediċini.
Il-Qorti sabet lil Daniel Briffa ħati ta’ ħasil ta’ flus, frodi aggravata, riċevuta frodulenta ta’ benefiċċji soċjali, pussess illegali ta’ arma tan-nar u reċidiviżmu. Bħala sentenza, ġiet imposta probation ta’ tliet snin, ordni ta’ trattament, 250 siegħa ta’ xogħol fil-komunità, kif ukoll il-konfiska ta’ proprjetà mobbli u immobbli b’valur ta’ €56,947. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €10,622.28 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Leonard Caruana.