Il-kuċċiera bi protest ġudizzjarju; Jisħqu li r-regoli l-ġodda tal-karozzini huma illegali

Il-protest jilmenta għall-fatt li l-kuċċiera mhux se jkunu jistgħu jaħdmu fl-aktar ħinijiet u żmien li fih ikollhom xogħol

L-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-kuċċiera fetħet protest ġudizzjarju kontra l-aħħar avviż legali li fost oħrajn biddel il-ħinijiet permessibbli li fihom jistgħu jaħdmu. Il-kuċċiera qed jiddeskrivu r-regolamenti l-ġodda bħala “irregolari u illegali.”

B’kollox, il-protest ġudizzjarju tressaq minn 49 membru tal-Assoċjazzjoni.

Ir-regoli l-ġodda jwaqqfu lil tal-karozzini milli jaħdmu bejn is-1pm u l-4pm, fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Ir-regoli jistabbilixxu wkoll li kull żiemel ma jistax jintuża għal aktar minn tlett ijiem fil-ġimgħa. Min jikser dawn ir-regolamenti, jista’ jeħel sa €65,000.

Dwar dawn il-ħinijiet, is-sena li għaddiet, l-ILLUM kienet tkellmet direttament mal-kuċċiera.

Fil-protest, l-Avukat Matthew Brincat saħaq li l-liġi ġdida se tispiċċa titfa’ lis-sidien fil-faqar, hekk kif mhux se jkunu jistgħu jaħdmu fl-aktar żmien u ħin li fihom ikollhom xogħol.

Il-protest jisħaq ukoll li ma kienx hemm biżżejjed konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet u s-sidien tal-karozzini, ħlief għal żewġ laqgħat li l-ewwel waħda saret fl-2018 u t-tieni waħda, ftit qabel daħlu fis-seħħ dawn ir-regoli.

L-Avukat insista li l-kuċċiera kienu ilhom jitolbu kopja tal-abbozz tal-liġi qabel dan ġie ppubblikat bil-għan li jkunu jistgħu jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom, iżda dan baqa’ qatt ma ngħatalhom.

Il-protest jisħaq ukoll li l-avviż legali huwa “irregolari u illegali,” għax il-liġi li ħareġ taħtha ma tagħtix il-poter lill-Ministru biex jiddelega tali deċiżjonijiet lid-Direttorat għall-Ħarsien għall-Annimali.

Is-sidien saħqu li ż-żwiemel jingħataw l-attenzjoni kollha li għandhom bżonn u qatt ma jużaw l-istess żiemel darbtejn fuq xulxin.

Insistew li huma jagħmlulhom testijiet ta’ spiss u wara kull vjaġġ jagħtuhom ċans jistrieħu. Fakkru, illi li kieku dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux osservati, ma tinħarġilhomx liċenzja.

Għalhekk, l-Assoċjazzjoni qed tisħaq li r-regoli l-ġodda għandhom ikunu rrevokati filwaqt li qed jirriservaw id-dritt li jieħu azzjoni legali ulterjuri.

More in Qrati u Pulizija