Propost li tal-karozzini ma jaħdmux bejn nofsinhar u s-sagħtejn

Il-kuċċiera jisħqu li dawn huma l-aħjar ħinijiet għalihom...

Kevin Debono President tal-Għaqda Kuċċiera
Kevin Debono President tal-Għaqda Kuċċiera

Meta l-gazzetta ILLUM niżlet il-Belt titkellem ma' tal-karozzini, ltaqgħet ukoll ma’ Kevin Debono li hu l-President tal-Għaqda tal-Kuċċiera li żvela kif ftit jiem wara li fit-8 ta' Awwissu miet iż-żiemel fil-Furjana, il-kuċċiera kollha kellhom laqgħa mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Noel Montebello.

Waqt din il-laqgħa, issemmiet il-proposta li l-karrozzini jieqfu jaħdmu bejn nofsinhar u s-sagħtejn, proposta li ma tantx niżlet tajjeb mal-kuċċiera, għax fi kliem Kevin Debono, dawk huma l-aħjar sigħat għalihom.

“Dawk huma l-aqwa ħinijiet li l-kuċċier għadnu biex jaqla’ lira.”

Minkejja dan, kienu l-kuċċiera stess li qablu, għalkemm għalissa ma hemm xejn bil-miktub, li f’każ li t-temperatura tlaħħaq ċertu livelli ‘eċċessivi’ jieqfu jaħdmu għal dawk is-sagħtejn.

Jintlaħaq qbil biex tinbidel ir-rotta

Jidher li ntlaħaq qbil ukoll li tinbidel ir-rotta. Kif spjegat fl-artiklu, bħalissa r-rotta tibda mit-Telgħa tal-Kurċifiss, l-istess triq fejn miet iż-żiemel. Il-kuċċiera qablu li minn ħdejn il-Valletta Waterfront jitilqu lejn il-Knisja ta’ Liesse, jitilgħu minn ħdejn il-Victoria Gate biex jiżbukkaw ħdejn il-Qanpiena tal-Assedju

Debono spjega li hekk tkun evitata t-telgħa tal-Kurċifiss u anke t-telgħa wieqfa ta’ taħt il-Qanpiena tal-Assedju. Ovvjament ikunu jridu jsiru l-arranġamenti tat-traffiku, biex minflok jinżel mit-triq tal-Victoria Gate, it-traffiku jibda jitla’.

Il-kuċċiera qed jittamaw ukoll li jkollhom ħafna aktar kumdità, fosthom tined aħjar u aktar aċċess għall-ilma. “Din tgħidilha tinda? Dalgħodu x-xita nieżla u kollox għal fuqna,” qabeż wieħed mill-kuċċiera.

“Nixtiequ li s-sewwieqa jirrispettawna aktar, mhux kulħadd joffendina u jgħajjat magħna qisna tfal. Allaħares ma toqgħodx żewġ passi lura għax kieku kuljum il-Qorti,” insista kuċċier ieħor.

Sakemm jitħabbru r-regolamenti l-ġodda, Kevin Debono, imdawwar bil-kuċċiera sħabu, assigura li ż-żwiemel tagħhom jinsabu miżmuma fl-aqwa kundizzjoni, “anzi aħjar milli suppost.”

“Biex iżżomm żiemel trid il-flus. Taħdem bil-karozzin għax tkun tħobb żiemel,” temm jisħaq Debono.

More in Socjali