'Il-midja mhux tagħti stampa ċara ta' dak li qed jiġri f'każijiet ta' vjolenza domestika'

Mifsud qal dan wara li spjega kif il-Qorti ġieli tispiċċa b'idha marbuta għax il-vittmi ma jkunux iridu jixhdu

Il-Maġistrat Joe Mifsud
Il-Maġistrat Joe Mifsud

Ġlieda bejn raġel u mara waslet biex it-tnejn li huma jittellgħu l-Qorti akkużati bi vjolenza domestika kontra xulxin.

Iż-żewġ akkużati dehru separatament quddiemn il-Maġistrat Joe Mifsud, bit-tnejn li huma mimlija grif u tbenġil f’wiċċhom.

L-ewwel ma tressqet kienet il-mara li għandha 32 sena mill-Marokk u kienet akkużata li weġġgħet lir-raġel tagħha, li attakkatu, insultatu u heddidtu.

L-Ispettur Joseph Xerri spjega kif ir-rapport daħal ilbieraħ u meta l-Pulizija waslet fuq il-post sabet lill-koppja jiġġieldu. Il-mara allegatament għamlet ħsara konsiderevoli fil-karozza tar-raġel.

Spjega kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-mara xilfet dufrejha mal-ġustizzja hekk kif f'żewġ każi oħra kienet ingħatat il-libertà kkundizzjonata.

Il-Maġistrat Mifsud insista li l-Qorti ma tittollerax każijiet ta’ vjolenza domestika waqt li saħaq li kull ma jmur il-każijiet qed jiżdiedu.

Spjega kif mhux l-ewwel darba li l-Qorti tispiċċa wkoll b’idejha marbuta għax il-vittmi ma jkunux jixtiequ jagħtu xhieda.

Kien hawn li Mifsud, eks ġurnalist, dawwar l-attenzjoni fuq il-midja u insista li din mhux qed tagħti stampa ċara ta’ dak li qed jiġri fil-Qorti f’każijiet ta’ vjolenza domestika.

Ikkritika wkoll il-liġi dwar il-vjolenza domestika u l-implimentazzjoni tagħha.

“Ir-regoli hemm qegħdin, imma jeħtieġ nimxu magħhom,” saħaq il-Maġistrat. Kompla jisħaq li l-Qorti ma tistax tmur lilhinn minn dak stabbilit fil-liġi u għalhekk, jekk il-liġi ma tinbidix, dawk huma r-regoli li jrid jimxi magħhom.

Intant, l-akkużata wieġbet mhux ħatja u permezz tal-Avukat Noel Bianco talbet għall-ħelsien mill-arrest. It-talba kienet aċċettata fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €5,000.

Mifsud insista li aċċetta t-talba biss minħabba t-tfal tal-akkużata. Ordna lill-mara biex ma tersaqx lejn żewġha.

Aktar tard ttella’ wkoll ir-raġel li għandu 27 sena u huwa mis-Sirja.

L-Avukat Jason Grima innota kif l-akkużi kontra r-raġel huma identiċi għal dawk tal-mara ħlief għal fatt li hu biss qed ikun akkużat li kkawża ġrieħi gravi lill-parti l-oħra. Għalhekk, talab li jinbidlu l-akkużi fil-konfront tal-mara, bil-Qorti tisħaq li dan huwa xogħol l-Ispettur.

Anke hawn ir-raġel wieġeb mhux ħati, bl-Avukat jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Insista li ġaladarba l-mara ngħatat il-ħelsien mill-arrest minħabba t-tfal, l-istess għandu jsir għar-raġel.

“L-argument beda minħabba t-tfal,” saħaq l-Avukat waqt li insista li l-ħaddiema soċjali tal-Appoġġ iddikjaraw li hemm inqas riskju li t-tfal ikunu mar-raġel milli mal-omm.

Fakkar ukoll li għall-kuntrarju tal-mara, ir-raġel qatt qabel ma ħabbatha mal-ġustizzja.

Madanakollu, il-Maġistrat ċaħad din it-talba. “Il-vjolenza qatt ma tista’ tkun aċċetata fil-familja,” temm jgħid Mifsud.

More in Qrati u Pulizija