Bewsa lil waiter żagħżugħ iddaħħal turist anzjan f'baħar ta' inkwiet

L-anzjan kien akkużat li attakka sesswalment waiter li kien għadu kemm kellu konverżazzjoni miegħu għax kien omosesswali

Turist li kien residenti f’lukanda f’Malta nħeles mill-akkużi li attakka waiter sesswalment.

L-akkużat, li għandu 67 sena u huwa Awstraljan, kien tressaq il-Qorti akkużat li ffastidixxa waiter fil-lukanda li kien qiegħed joqgħod fiha.

Fil-Qorti kien instema’ kif l-allegat vittma kien irrapporta lis-superjuri tiegħu wara li l-akkużat kien biesu fuq għonqu u beda jipprova jmissu bil-għan li jkollu x’jaqsam miegħu.

Il-vittma kien qal li kien qiegħed iservi x-xorb meta l-akkużat kien segwih sal-kamra tal-banju u stiednu biex ikollu x’jaqsam miegħu.

Fil-Qorti, l-allegat vittma kien qal li rrifjuta iżda, fi kliemu, l-akkużat kien beda jmissu sakemm daħlet persuna oħra u tatu ċans jaħrab.

Il-vittma kien qal fil-Qorti li huwa gay u li kien għadda indirizz lill-istess anzjan ta’ gay club f’Malta. Qal ukoll li l-akkużat kien tbaxxa biex ibusu iżda hu kien resaq lura, anke jekk, fi kliemu, l-anzjan baqa’ jipprova.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat kien qal li kellu konverżazzjoni twila mal-vittma dwar il-fatt li t-tnejn li huma kienu gay.

Spjega kif kien ġie Malta mas-sieħeb tiegħu ta’ 35 sena u kif mhux vera li segwa lill-vittma sal-kamra tal-banju, iżda ltaqa’ miegħu hemm kumbinazzjoni.

Ammetta li bdew jitkellmu u li tbaxxa biex ibus lill-vittma, li qallu biex jieqaf iżda kien tard wisq għax kien laħaq biesu fuq għonqu.

L-akkużat qal li għamel dan mingħajr l-ebda intenzjoni ħażina, iżda biesu biss biex jawguralu għax kellu l-kuraġġ u jgħid li hu gay.

Huwa ċaħad li pprova jmiss ġisem il-waiter.

Il-Maġistrat Simone Grech, fid-deċiżjoni tagħha saħqet li għandha quddiemha żewġ verżjonijiet tal-istess każ.

Madanakollu innutat li fix-xhieda tiegħu, il-vittma mhux dejjem kien konsistenti u neffaħ xi ftit jew wisq l-inċident.

Innutat ukoll li l-post fejn allegatament seħħ il-każ ikun dejjem mimli bin-nies u li l-persuna li daħlet fil-kamra tal-banju qatt ma ġiet identifikata.

Mill-banda l-oħra qalet li l-verżjoni li ta l-akkużat dejjem kienet konsistenti.

Kien għalhekk li ddeċidiet li l-bewsa bl-ebda mod ma tista’ titqies bħala att sesswali u nnutat ukoll li l-akkużat waqaf minnufih mneta nduna li l-allegat vittma ma kienx qed japprova.

More in Qrati u Pulizija