'Għandha karattru diffiċli;' Familjari u ħbieb jixhdu kontra l-allegata vittma ta' stupru
Kompla l-ġuri ta' żagħżugħ akkużat li abbuża u stupra lil kuġintu
minn Yendrick Cioffi
Hekk kif kompla l-ġuri ta’ żagħżugħ akkużat li abbuża lill-kuġintu għal seba’ snin u stupraha meta kellha 10 snin, xhieda differenti xehdu dwar il-karattru diffiċli tal-allegata vittma.
Fost oħrajn, waqt is-smigħ ta’ dalgħodu, intqal kif il-kamra tal-bejt fejn allegatament sar l-istupru kienet tkun dejjem imsakkra u setgħet tinfetaħ biss mir-raġel li kien iżomm l-għasafar fiha.
L-ewwel xhud illum kienet mara ta’ 85 sena li toqgħod biswit id-dar tal-ġenituri tal-akkużat.
“Id-dar dejjem mimlija bin-nies. Qisha każin tal-banda,” qalet l-anzjana waqt li kompliet tirrakkonta dwar kemm-il darba tisma’ lill-vittma twieġeb u tirrispondi lil ommha meta jkunu hemm.
“Dejjem trid tkun aħjar minnn ħaddieħor,” qalet l-anzjana.
Dwar l-akkużat, l-anzjana qalet li kienet ilha tafu minn meta kien tifel u insistiet li issa ilu żmien għarus
Mistoqsija jekk tafx biex qed ikun akkużat iż-żagħżugħ, l-anzjana wieġbet: “Iva u ma nemminx. Ċerta għax nafdah.”
'It-tfajla hi ftit duttura'
Membru ieħor tal-familja qal lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kif l-akkużat jgħix mal-ġenituri tat-tfajla tiegħu. Huwa qal kif fil-kamra tal-bejt iżomm l-għasafar, li dejjem isakkar il-kamra u jżomm iċ-ċwievet fuqu.
Waqt li wera ċ-ċwievet, qal li darba waħda biss ħalla ċ-ċwievet warajh u kien se jiġġennen.
Kompla jgħid li huwa qatt ma ra lit-tifla fuq il-bejt u li l-akkużat jitla’ kull tant biex ipejjep sigarett.
“Il-vittma hija ftit duttura,” kompla x-xhud. “Jekk ma tkellimix mhux se tkellmek.”
Tixhed ukoll it-tfajla tal-akkużat...
Xehdet ukoll it-tfajla tal-akkużat li spjegat kif il-familja kollha jmorru l-baħar flimkien. Qalet li taf lill-kuġina tal-għarus tagħha u kif qatt ma kellhom xi jgħidu.
“Għandha karattru diffiċli ħafna u tgħajjat ħafna mal-ġenituri tagħha,” kompliet tirrakkonta.
Mistoqsija dwar ir-reazzjoni tagħha meta saret taf li l-għarus tagħha qed ikun akkużat bi stupru, saħqet li għall-bidu kienet ixxukkjata iżda kienet taf li mhux veru.
“Hu dejjem id-dar. Id-dar hija żgħira ħafna u dejjem mimlija nies,” kompliet tgħid.
'Sa sentejn ilu l-vittma kienet tikkummenta fuq ir-ritratti tal-akkużat u t-tfajla'
L-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat qal li l-vittma kienet tippostja u tikkummenta ħafna fuq ir-ritratti tal-akkużat u t-tfajla tiegħu sa sentejn ilu.
Missier it-tewmin li quddiemhom allegatament seħħ l-istupru qal li t-tfal tiegħu qatt ma qalulu xejn.
“It-tfajla hija għajjura u possessiva,” kompla jgħid. “Dejjem trid tikkmanda lill-ġenituri tagħha. Jekk tkun trid xi ħaġa tibqa’ sakemm teħodha.”
Kien hemm ukoll xhieda oħra, fosthom kuġini tal-vittma u l-akkużat li xehdu l-istess dwar il-karattru tat-tfajla.
Kuġin saħansitra qal li bblokkjaha minn fuq Facebook għax ma jafdahiex. “Ma ridtix tivvinta xi ħaġa oħra,” kompla jgħid.
“Tgħidx kemm qabdet miegħi meta kienet qaltli li hi għaddiet mill-maths u jiena le. Imbagħad oħtha qaltli li anke hi kienet falliet,” kompla jixhed.
Il-każ ikompli.