"Bżajt li se nifga...inbati bl-ażma...kont ippanikjata" - Il-mara li 'nżammet' f'għar

Kompliet il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra Roddy Williams akkużat b'attentat ta' suwiċidju

Nathalie Williams, il-mara li kienet miżmuma ġo għar fir-Rinella mill-ekssieħeb tagħha, xehdet għal aktar minn 5 sigħat waqt li kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Roddy Williams, akkużat b’attentat suwiċidju.

Il-mara, li għandha 46 sena, kienet instabet fl-għar f'Ottubru tas-sena li għaddiet wara li kienet ilha nieqsa għal tlett ijiem.

Minn fuq video link il-mara qalet lill-Maġistrat Claire-Louise Stafrace kif kollox beda fit-30 ta’ Ottubru meta Williams kien heddidha li jekk mhux se tagħmel dak li jgħidilha u ma tiltaqax miegħu, kien se joqtol lill-missierha u lit-tfal tagħha.

Dak iż-żmien, kienet diġà bdiet il-proċess tas-separazzjoni wara li kienet akkużatu li kien jirsaqha, isawwatha u jistupraha.

Saħqet kif kienet ilha ħafna tirċievi messaġġi ta’ theddid u rrappurtat lill-Pulizija meta heddidha li se joqtol lill-missierha u lit-tfal.

Imbeżża’, iddeċidiet li tiltaqa’ x-Xgħajra fejn kienu jħobbu jmorru jimxu. Spjegat kif bdew jitkellmu normali sakemm beda jgħolli leħnu ftit ftit.

Bdew jiġġieldu meta insista magħha li trid titilqu għax hekk riedu missierha u l-qraba tagħha u ħin minnhom imbuttaha fil-baħar iżda għena titla’ lura.

“Imbagħad beda jimbuttani lejn l-għar. Qatt ma kont dħalt fih. Ma kontx naf bih,” kompliet tispjega. “Bżajt li jerġa’ jsawwatni. Kien għamel hekk qabel u hemm rapporti tal-Pulizija li jixhdu dan.”

Kompliet tispjega li baqgħu deħlin il-ġewwa, bl-ispazju dejjem jiċkien.

“Ma kienx hemm dawl…ftit arja. Kont qed nibża’ li se nifga. Inbati bl-ażma. Kont ippanikjata. Bdejt inħoss il-bard. Kelli l-ħwejjeġ imxarrba."

Spjegat li meta waslu ġewwa, beda jsabbat mal-ħajt u jgħajjat li mhux se jħallihom jeħdulu lil martu.

Kompliet tgħid li stedinha biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment iżda ma riditx u hu weġibha: “għadni dritt għax int għadek marti.”

“Kelli nagħmel li qalli. Kieku bqajt nirreżisti kien se jsawwatni…darba meta tlabtu ma jpejjipx ħdejja kien qabad biċċa ħġieġa u heddidni li jħanxarni.”

Fil-Qorti ntqal kif il-mara kellha tirċievi kura psikoloġika minħabba l-abbużi li kienet tgħaddi minnhom anke kellha tiddaħħal l-isptar.

Kompliet tispjega li wara li stupraha, ħadilha l-flus, telaq u ġie lura ftit wara, jpejjeġ u jgħidilha li jaqblilha titolbu skuża.

“Wara talabni biex jerġa’ jkollna x’naqsmu flimkien. Ma għidtlux le. Ħallejtu jagħmel li jrid. Irrassenjajt ruħi li kont se noħroġ minn hemm,” kompliet tirrakkonta.

Qalet li kull darba li kien jitlaq u kien jiġi lura kienet tiċċekkja jekk kellux demm għax kienet qed tibża’ li qatel lil xi ħadd minn familtha.

Skont dak li ntqal fil-Qorti, l-akkużat qatt ma ħadilha ikel jew xorb kemm damet hemm ġew.

Kompliet tgħid li fi żmien li damet ġo l-għar, stupraha erba’ darbiet.

L-Avukat tad-Difiża, Franco Debono staqsiha jekk kinitx pruvat taħrab iżda qalet li ma setgħetx timxi għax kien hemm dlam ċappa u ma kellha xejn biex jagħmel id-dawl.

Fakkarha li kienet qalet li ma ħarġitx għax kienet għajjiena u staqsiha tispjega.

“Għall-bidu ppruvajt inżomm mal-ħajt imma mbagħad bdejt nibża’ li se jaqa’ għax kien qisu ħajt tas-sejjieh,” kompliet tgħid.

“Kont imbeżża’ jew għajjiena?" staqsa l-Avukat.

“Ma nistax nispjega. Ma kellix saħħa u kontroll tiegħi nnifsi. Kont il-ħin kollu bin-nas,” irrispondiet.

Is-smigħ kompla bil-bibien magħluqa.

More in Qrati u Pulizija