Prinċep Rumen ħati ta' frodi arrestat f'Malta

Prinċep Rumen, li instab f'pajjiżu ħati bi frodi, inżamm arrestat f’Malta. Huwa kien arrestat waqt li kien qed iżur il-pajjiż għal attività organizzata mill-Kavallieri ta’ Malta

Paul Philip Al Romaniei, magħruf ukoll bħala Paul Lambrino (Ritratt: Romania TV)
Paul Philip Al Romaniei, magħruf ukoll bħala Paul Lambrino (Ritratt: Romania TV)

Prinċep Rumen, li instab f'pajjiżu ħati bi frodi, inżamm arrestat f’Malta. Huwa kien arrestat waqt li kien qed iżur il-pajjiż għal attività organizzata mill-Kavallieri ta’ Malta.

Il-Prinċep Paul-Philippe ħarab mir-Rumanija fl-2020 meta nstab ħati u kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs għal korruzzjoni relatata mar-restituzzjoni illegali ta’ proprjetà immobbli qrib Bukarest.

Ir-raġel, ta’ 75 sena, ġie arrestat Malta nhar il-Ħadd bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew u tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn, fejn ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi miġjuba kontrih.

'Umiljat quddiem dinjitarji'

Akkumpanjat minn martu Lia, il-Prinċep Paul-Philippe huwa oġġezzjona għall-estradizzjoni.

L-avukat tiegħu Jason Azzopardi qal lill-Qorti li kien f’Malta għal attività organizzata mill-Kavallieri ta’ Malta u kien “umiljat quddiem dinjitarji minn madwar l-Ewropa” waqt l-arrest tiegħu l-Ħadd filgħaxija.

L-akkużat jgħid li m’għandux professjoni għax hu parti mill-familja rjali

Fil-baċir quddiem il-maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-imputat ta ismu bħala “Paul Philip tar-Rumanija,” u qal lill-qorti li kien joqgħod f’Pariġi. Meta mistoqsi mill-iskrivan tal-qorti biex jiddikjara l-professjoni tiegħu, l-avukati tiegħu infurmaw lill-qorti li ma kellu xejn  x'jgħid "għax huwa membru tal-familja rjali."

L-imputat wara ssuġġerixxa li kien jaħdem ma’ fondazzjoni.

L-Ispettur Roderick Spiteri esebixxa kopja elettronika tas-sentenzi tal-Qorti dwar il-kundanna ta’ Lambrino – twila ‘l fuq minn 1,000 paġna – u qal li l-identità tar-raġel kienet ikkonfermata mill-marki tas-swaba’ tiegħu.

L-Ispettur Spiteri qal lill-Qorti li r-raġel imfittex kien instab ħati fuq akkużi relatati mal-korruzzjoni.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll kampjun tal-marki tas-swaba’ mibgħut mill-awtoritajiet Rumeni flimkien ma’ ritratt tar-raġel imfittex bħala evidenza li r-raġel arrestat kien il-prinċep.

More in Qrati u Pulizija