Juża l-passaport ta' sieħbu biex ma jitlifx appuntament fl-Italja
Avukat jistaqsi jekk il-prosekuzzjoni kinitx qed tiddiskrimina minħabba l-kulur tal-ġilda tal-akkużat

More in Qrati u Pulizija
Avukat jistaqsi jekk il-prosekuzzjoni kinitx qed tiddiskrimina minħabba l-kulur tal-ġilda tal-akkużat
Raġel ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal sentejn wara li nstab ħati li pprova jħalli Malta b’passaport ta’ ħabib tiegħu.
Ata Augustine li għandu 31 sena u huwa mill-Ghana, ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ftit qabel qabad titjira minn Malta għal Katanja.
L-akkużat kien qed juża l-passaport ta’ sieħbu, li jgħix l-Italja, bil-għan li ma jitlifx appuntament li kellu l-Italja.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kellu jiltaqa’ ma’ awtoritajiet tal-immigrazzjoni fl-Italja fejn kellhom jittiħdulu l-marki tas-swaba.
Huwa suppost ħalla Malta disá xhur ilu u kien għalhekk li għamel użu mill-passaport ta’ ħabibu.
Il-prosekuzzjoni talbet għal sentenza effettiva ta’ ħabs għax fi kliemha dawn il-każijiet huma sejri u qed jiżdiedu.
Huwa wieġeb ħati li kien fil-pussess u uża dokumenti ta’ ħaddieħor u li ta xhieda falza quddiem l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
L-Avukat Joseph Ellis, li deher għall-akkużat, talab lill-Qorti għal sentenza sospiża għax l-akkużat ikopera mal-Pulizija tant li tressaq il-Qorti siegħa wara li ġie interrogat. Fakkar ukoll li l-akkużat qatt ma kellu problemi mal-Pulizija kemm ilu Malta.
Staqsa jekk il-prosekuzzjoni kinitx qed titlob għal sentenza effettiva minħabba l-kulur tal-ġilda tal-akkużat.
Iżda l-Ispettur Mario Haber, saħaq li l-prosekuzzjoni għamlet akkużi u talbiet simili għal persuni ta’ kull razza. Fi kliemu, kien hemm każijiet li jinvolvu Ukreni, Ċiniżi u anke Amerikani.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża.