Turist jaqla' multa wara ritratti fuq mutur bla ħwejjeġ
It-turist qal li “ma kienx jaf li ma setax ikun f'post pubbliku mingħajr ilbies”

More in Qrati u Pulizija
It-turist qal li “ma kienx jaf li ma setax ikun f'post pubbliku mingħajr ilbies”
Turist li nqabbad fuq il-kamera fuq mutur bla ħwejjeġ il-Pieta' tressaq quddiem il-qorti l-Erbgħa filgħodu.
Amine El Makhfi, raġel Ġermaniż, kien akkużat b'indiċenza f'spazju pubbliku. Ir-raġel ta' 26 sena kien akkużat ukoll ta' sewqan perikoluż. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi mressqa kontrih.
Filmati ta’ El Makhfi li daru online qajmu ħafna daħk u kritika, kif ukoll tħassib dwar il-kwalità tat-turisti li Malta qed tattira. Għalkemm ma ġewx sottomessi rapporti formali, il-Pulizija qalet lil gazzetta oħt, MaltaToday li nfetħet investigazzjoni immedjatament wara li deher il-filmati.
Meta xehed, l-Ispettur Ian Vella qal li El Makhfi kkopera kompletament u mar mill-ewwel għand il-Pulizija hekk kif ġie ordnat. Għaldaqstant, qal li multa u sospensjoni qasira tal-liċenzja sakemm jerġa’ jkun f’Malta kienu kastig ġust.
L-avukata tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young qalet li l-akkużat kien diżappuntat ħafna bih innifsu u “ma kienx jaf li ma setax ikun f'post pubbliku mingħajr ilbies”.
Ir-raġel mistenni jitlaq minn Malta nhar il-Ħadd.
Wara waqfa qasira, is-seduta kompliet u ngħata multa ta’ €1,200, multa oħra (ammenda) ta’ €29 u projbizzjoni milli jsuq f’Malta għal sitt xhur.
Il-Qorti infurmah li nħeles minn sentenza ta’ ħabs u għalhekk għandu jkun grat.
L-Ispettur Ian Vella mexxa l-prosekuzzjoni. Il-Maġistrat Noel Bartolo ppresieda s-seduta. L-avukata Ingrid Zammit Young assistiet lill-akkużat.