Il-pulizija tal-immigrazzjoni arrestaw 25 migrant li nstabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari u ċittadin Malti li tressaq il-qorti akkużat li faċilita l-immigrazzjoni irregolari.
L-arresti saru wara spezzjonijiet fuq trasport pubbliku, f’Paceville, f’residenza privata u waqt kontrolli tat-traffiku fil-Marsa, qal il-korp tal-pulizija. Il-migranti irregolari ttieħdu fi ċentru ta’ detenzjoni u se jkunu deportati.
Waqt it-tfitxijiet fit-toroq li saru nhar it-Tnejn, twaqqfu 52 vettura u nħarġu diversi multi, fosthom għal nuqqas ta’ użu tas-seatbelt.
Karozza waħda wkoll inġabret minħabba li kienet qed tinstaq mingħajr liċenzja tat-triq u polza tal-assigurazzjoni.
L-ispezzjonijiet saru b’mod konġunt mill-pulizija, uffiċjali ta’ JobsPlus u Identità, membri tas-Servizzi ta’ Detenzjoni u uffiċjali tal-infurzar tat-Trasport Malta.