Omiċidju jew bomba li għamilha hu stess

Allegat li l-vittma kien ikun mistieden minn sieħbu biex ikollu x’jaqsam ma’ martu

Kevin Camilleri ta’ 31 sena minn Ħal Qormi miet kawża ta’ ġrieħi li sofra f’Ġunju 1999 meta bomba li tpoġġiet mat-tieqa ta’ appartament fejn kien joqgħod m’ommu fi Triq il-Fontanier f’Ħal Qormi, splodiet. Imma għalkemm il-Pulizija għadhom iqisu dan il-każ bħala “omiċidju mhux solvut”, tul dawn l-aħħar 15-il sena u tmin xhur għad hemm mistoqsija jekk il-bomba tpoġġietx minn xi ħadd li ried joqtol lil Camilleri jew kienx esperiment ta’ Camilleri stess li mar ħażin. 

Il-kamra fejn kien joqgħod Kevin Camilleri kienet eżatt mat-triq u t-tieqa li kellu li tagħti għal barra kienet għolja inqas minn metru mil-livell tal-art. Faċli biex xi ħadd ipoġġi xi ħaġa fuq il-ħoġor tat-tieqa. 

It-tieqa tal-kamra ta’ Camilleri fuq barra kellha tieqa tal-aluminju, wara kien hemm gradilja tal-ħadid li kienet isservi bħala sigurtà peress li t-tieqa kienet fil-livell tat-triq. Wara dan il-ħadid, fuq in-naħa ta’ ġewwa, kien hemm tieqa oħra forma ta’ persjana li kienet tinfetaħ ’il ġewwa bi tliet bibien. 

Mhux magħruf għaliex żewġ twieqi oħra tal-istess appartament li kienu fl-istess livell u li wkoll kienu jagħtu għal Triq il-Fontanier, ma kellhomx l-istess ħadid ta’ sigurtà.

Fuq il-lemin it-tieqa li magħha kien hemm il-bomba
Fuq il-lemin it-tieqa li magħha kien hemm il-bomba

Diffiċli jkun stabbilit x’ġara

Kien hemm diversi teżijiet kemm mill-investigaturi, esperti u minn ħafna nies ta’ x’seta’ ġara fil-lejl ta’ nhar it-Tnejn, 7 ta’ Ġunju 1999. Minn dak li ġabru l-Pulizija minn diversi xhieda l-kobba aktar tħabblet u peress li kulma kellhom l-investigaturi kien raġel li nqatel kawża ta’ splużjoni u l-ebda prova oħra, allura dan il-każ għadu qed jitqies bħala qtil mhux solvut.

Li waslu għalih il-Pulizija kien li sa ftit ħin qabel ma seħħet l-isplużjoni, li qatlet lil Camilleri, il-vittma kien flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn, fosthom ċertu Alex Mallia, li dakinhar kellu 21 sena minn Ħal Qormi, magħruf bħala “x-Xokkijiet” u ċertu Ian Galdes magħruf bħala “in-Nemusa” li dakinhar kellu madwar 21 sena. Dawn marru jpejpu sigarett ħdejn il-pitch tal-boċċi li jinsab qrib l-appartament ta’ Camilleri. Għall-ħabta tal-11.15pm tal-Ħadd, 6 ta’ Ġunju, Mallia ħalla lil sħabu u telaq lejn id-dar u huwa mifhum li Camilleri u Galdes marru lura fl-appartament tal-vittma.

Għall-ħabta tas-1.50am tat-Tnejn, 7 ta’ Ġunju, instemgħet splużjoni u Kevin Camilleri safa vittma.

Ian Galdes kien l-aħħar persuna li ra lil Camilleri ħaj. 

Galdes kien weħel seba’ snin ħabs meta nstab ħati bl-involviment tiegħu fil-hold-up li sar fit-12 ta’ Novembru, 2001 u li fih kien inqatel il-Pulizija Roger Debattista. Dakinhar Galdes kellu 19-il sena meta flimkien ma’ Andy Calleja mix-Xgħajra, Mario Borg minn Ħaż-Żebbuġ u Mark George Falzon mill-Ħamrun, kienu wettqu hold-up fil-fergħa tal-BOV f’Ta’ Farsina f’Ħal Qormi. Waqt dan il-hold-up Andy Calleja kien spara tiri fid-direzzjoni tal-Kuntistabbli Debattista u qatlu. Ian Galdes kien ingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija li minnhom tnaqqas iż-żmien li kien miżmum taħt arrest preventiv. Galdes kien ħareġ mill-Ħabs ta’ Kordin fit-3 ta’ Novembru, 2006.

Fl-1 ta’ Marzu 2007 Galdes instab mejjet kawża ta’ overdose ta’ droga eroina fir-residenza ta’ ommu fi Triq San Ġużepp f’Ħal Qormi.

Ħasbet li sploda s-sett tat-televiżjoni

Kevin Camilleri kien ġuvni u kien joqgħod ma’ ommu Frances Camilleri, li dakinhar tal-każ kellha 50 sena, fi Flat 1 Block XIV fi Triq il-Fontanier. Dakinhar l-omm daħlet torqod ftit qabel il-11.30pm għalkemm tiftakar li binha kien ilu d-dar minn xil-10pm fejn kien ma’ sieħbu Mallia jilagħbu ċ-ċess.

Hija ġiet imqajma mill-ħoss qawwi tal-isplużjoni għall-ħabta tas-1.50am u kif qamet xammet riħa ta’ ħruq. Hija ħasbet li kien sploda t-televiżjoni li kien fil-kamra ta’ Kevin.

Kif marret tara x’ġara rat lil binha ħiereġ mill-kamra tiegħu u kulma semgħetu jgħid kien “Ajma, ajma, ajma” u spiċċa fl-art wiċċu ’l fuq. B’xokk fuqha Frances ċemplet lil bintha Antoinette, li kellha 26 sena u li kienet toqgħod mas-sieħeb tagħha f’Ħal Qormi stess u qaltilha li kien sploda t-televiżjoni ta’ Kevin u li Kevin kien weġġa’. 

Immedjatament Antoinette qalet lis-sieħeb tagħha, Simon Spiteri li kellu 30 sena, u t-tnejn marru għand ommha. Meta waslu sabu traġedja b’Kevin mal-art mimli dmija. Simon niżel ħdejn Kevin biex jara jekk kienx għadu qed jieħu nifs, iżda ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ ħajja. Ftit tal-ħin wara waslet l-ambulanza u meta l-infermiera eżaminat lill-vittma daret fuq Simon u qaltlu li ma setgħet tagħmel xejn. Fil-fatt Kevin Camilleri kien iċċertifikat mejjet fuq il-post minn Dr Antonella Mizzi miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi. 

Fuq il-post marru diversi uffiċjali tal-Pulizija fosthom l-eks-Kummissarji George Grech u John Rizzo, l-eks-Supretendent Daniel Gatt u l-eks-Spetturi David Saliba u Mario Bonnici. Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Abigail Lofaro, illum Imħallef, ordnat inkjesta fejn ħatret diversi esperti fosthom lill-Perit Richard Aquilina, it-Tabib Forensiku Mario Scerri u l-Kurunell Albert Camilleri flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Kevin Camilleri - il-vittma
Kevin Camilleri - il-vittma

Il-bomba tpoġġiet minn xi ħadd jew żball tal-vittma stess?  

Sors li ħadem mill-qrib dwar dan il-każ, ġie mistoqsi jekk hux qtil jew le, ir-risposta kienet – “ma naħsibx li qatt xi ħadd jista’ jgħid li definittivament il-bomba kienet ta’ Camilleri u li kien se jagħmilha lil ħaddieħor, wisq anqas jista’ xi ħadd jgħid li ma kinitx.”

Naraw għaliex ingħatat din ir-risposta.

Oħt Kevin, Antoinette, kienet qalet lill-investigaturi li mhux l-ewwel darba li hi u Simon innutaw fuq ħoġor it-tieqa tal-kamra ta’ Kevin oġġett li kien jixbaħ biċċa pajp ta’ silencer ta’ karozza. 

L-ewwel darba li Simon ra dan l-oġġett suspettuż kien il-Ġimgħa, 4 ta’ Ġunju għall-ħabta tad-9am meta kien għaddej minn ħdejn l-appartament. Spiteri ddeskriva l-oġġett bħala pajp twil madwar 14-il ċentimetru b’dijametru ta’ mhux aktar minn tmin ċentimetri. Miegħu kellu żewġ boldijiet forma ta’ salib u miegħu kien hemm pajp ieħor irqiq li kellu sulfarini marbutin b’ħajt jew spag. Simon kien qal li s-sulfarini kienu maħruqin.  

Meta filgħaxija reġa’ mar biex ikellem lil Kevin u ttawwal lejn ħoġor it-tieqa l-oġġett suspettuż ma kienx hemm.

Antoinette stqarret li s-Sibt, 5 ta’ Ġunju 1999 f’xi ħin bejn it-8am u d-9am, ukoll rat oġġett simili. Kif daħlet fil-flat ta’ ommha, Antoinette qalet lil Kevin, li dak il-ħin kien ħiereġ, bl-oġġett suspettuż mat-tieqa tal-kamra tiegħu, iżda kulma qalilha Kevin kien “Ħallini dalgħodu”, u baqa’ sejjer mingħajr ma mar jara x’kienet rat oħtu. Il-Ħadd filgħodu meta Antoinette reġgħet marret għand ommha, l-oġġett misterjuż ma kienx hemm.

Iżda matul il-lejl li seħħet l-isplużjoni u Antoinette kienet fuq il-post tat-traġedja, ġibdet l-attenzjoni ta’ wieħed mill-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat li fl-art kien hemm biċċa ħadida li kienet tixbah parti mill-oġġett suspettuż li kienet rat fuq ħoġor it-tieqa ta’ ħuha.

Meta l-investigaturi talbu lil Antoinette u lil Simon biex ipinġu l-oġġett li kienu raw fuq ħoġor it-tieqa ta’ Kevin, dan kien jaqbel kważi perfettament mal-kontenitur tal-bomba meta kien eżaminat bir-reqqa mill-esperti tal-Qorti.

Jekk il-bomba kienet ta’ Kevin allura li seta’ ġara kien li meta Kevin poġġa l-bomba fit-tieqa u xegħel il-miċċa, skont il-fehma tal-esperti, il-vittma kellu madwar 40 sekonda ċans biex ipoġġi l-bomba fit-tieqa, jagħlaq il-persjana tat-tieqa li kienet tinfetaħ ’il ġewwa, dejjem jekk għalaq il-persjana u jersaq lura. Dejjem skont l-esperti 40 sekonda kienu biżżejjed biex dan iseħħ. Jekk kien dan li seħħ, allura Kevin seta’ ma kienx totalment f’sensih meta wettaq dan l-att.

F’rapport f’wieħed mill-ġurnali li kien ippubblikat fil-jiem ta’ wara l-każ kien intqal li mill-awtopsja rriżulta li Camilleri mhux sigarett biss pejjep ftit tal-ħin qabel meta kien ma’ sħabu, imma anke reżina tal-kannabis. Jekk verament kien għamel dan allura Kevin seta’ ma kienx f’sensih sew meta xegħel il-miċċa, imma kien tard wisq biex iwaqqafha milli tkompli tinħaraq u għalhekk poġġa l-bomba fit-tieqa, għalaq il-persjani u mexa lura.

Ħsarat fit-tieqa fejn splodiet il-bomba
Ħsarat fit-tieqa fejn splodiet il-bomba

Min-naħa l-oħra jekk il-bomba tpoġġiet minn xi ħadd u Kevin qatt ma daħallu suspett, minkejja li oħtu ġibditlu l-attenzjoni, min għamel il-bomba ħa riskju tliet darbiet wara xulxin?

Min poġġa l-bomba biex joqtol lil Kevin Camilleri ħa riskju li jneħħiha u jpoġġiha fejn darba minnhom anke beda l-eżekuzzjoni u l-bomba ma splodietx? Qed nirreferi għal meta ġew innutati sulfarini maħruqin ma’ pajp. 

Dawn id-dikjarazzjonijiet komplew qajmu diversi mistoqsijiet u ipoteżi ta’ x’seta’ ġara bejn il-Ġimgħa, 4 ta’ Ġunju u sbieħ it-Tnejn, 7 ta’ Ġunju 1999.

Kif instab il-vittma 

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li għalkemm Kevin instab liebes biss qalziet ta’ taħt, meta splodiet il-bomba ma kienx għadu daħal fis-sodda imma kien imqajjem u kien bilwieqfa.

Mill-ġrieħi li sofra, li kienu ħruq estensiv f’sidru u żaqqu kif ukoll ksur fil-pala ta’ jdejh u l-minkeb, kienu jindikaw li Camilleri kien qiegħed iħares fid-direzzjoni tat-tieqa fejn kien hemm il-bomba u li dak il-ħin kien madwar 50 ċentimetru ’l bogħod mit-tieqa u l-bomba ma kinitx f’idejh għax kieku kienet ittajjarlu parti minn idejh.

Il-katavru ta’ Kevin Camilleri qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija
Il-katavru ta’ Kevin Camilleri qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija

Mill-eżamijiet forensiċi li saru fuq il-post kien irriżulta li kieku Camilleri kien fis-sodda meta splodiet il-bomba, kien isofri minn ġrieħi gravi biss, tant li s-sodda ftit li xejn ġarrbet ħsarat.

Mal-isplużjoni Camilleri dar u mexa fid-direzzjoni tal-kamra tas-sodda ta’ ommu. Iżda huwa wasal sa ħdejn il-kamra tal-banju fejn mal-ħajt instab tiċpis tad-demm li kienu jindikaw li Kevin ipprova jżomm mal-ħajt jew ipprova jixgħel id-dawl.

Huwa miet ftit minuti wara li ħadet il-bomba.

Ħsarat anke f’karozzi

Il-bomba kienet magħmula minn splussiv qawwi u l-materjal kien tpoġġa f’kontenitur tal-metall forma ċilindrika b’tul ta’ madwar 14-il ċentimetru b’dijametru ta’ inqas minn seba’ ċentimetri. Fil-fatt il-bomba kienet dik magħrufa mill-esperti bħala pipe bomb. Dan seta’ kien jixbah ħafna l-pajpijiet li kemm oħt il-vittma kif ukoll is-sieħeb tagħha kienu raw fuq il-ħoġor tat-tieqa, għalkemm ma setax ikun ikkonfermat minħabba li dan spiċċa f’diversi biċċiet.

Għalkemm il-bomba kkawżat ħsarat fil-kamra fejn kien jorqod Kevin fosthom l-għamara, it-televiżjoni u apparat ieħor, ma kienx hemm ħsarat strutturali ħlief għat-tieqa u l-aperturi tagħha. Iżda l-bomba kkawżat ħsarat fi twieqi tal-ġirien kif ukoll fi tliet karozzi li kienu Kia Pride, Skoda Felica u Skoda oħra.

Il-vittma kien suspettat dwar omiċidju  

Wara l-qtil ta’ Joe Borg, l-għassies li nqatel fid-29 ta’ Settembru 1990 barra l-fabbrika tal-għaġin f’Ħal Qormi, Kevin Camilleri kien fost il-persuni li l-Pulizija kellhom suspett fih. Iżda minkejja li kien interrogat fit-tul qatt ma tressaq il-Qorti dwar dan l-omiċidju. Camilleri kien instab ħati ta’ serq f’Mejju 1991 u ntbagħat tliet snin ħabs.

Meta l-Pulizija kienu kellmu lil Alex Mallia magħruf bħala “ix-Xokkijiet” wara l-qtil ta’ Kevin Camilleri, dan kien stqarr li xi sentejn qabel huwa kien ma’ Kevin u xi ħbieb oħrajn bil-karozza fl-inħawi ta’ bejn Ħad-Dingli u l-Buskett meta nnuttaw li kienu qegħdin ikunu segwiti minn karozza Fiat. Mallia kompla jgħid li Kevin kien għaraf lis-sewwieq tal-Fiat u qalilhom li dak kien jiġi minn Joe Borg għax tal-familja kienu qegħdin iwaħħlu fih li kien fost dawk li daħlu fil-fabbrika tal-għaġin u qatlu lil Joe Borg.

Nifhmu li l-Pulizija kienu kellmu lil din il-persuna, iżda ma rriżultax li b’xi mod kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ Camilleri.

Allegat li l-vittma kien ikun mistieden minn sieħbu biex ikollu x’jaqsam ma’ martu

Frances Camilleri, omm Kevin, ukoll kellha s-suspetti tagħha f’min qatel lil binha. Mal-Pulizija hija semmiet żewġ kollegi li kienu jaħdmu magħha fl-Isptar Sir Paul Boffa. Ir-raġuni li ssuspettat fihom kienet minħabba li kienu nqabdu jisirqu u kienu weħlu fiha li rrapportathom.

Meta l-Pulizija kellmu lil Simon Spiteri, is-sieħeb ta’ oħt Kevin, għalkemm semma xi nies b’isimhom u anke bil-laqam, qatt ma qal li kellu xi suspett fihom li kienu għamlu l-bomba. Issemma wkoll raġel, ċertu Ġorġ, minn Ħal Qormi li kien ħabib kbir ta’ Kevin u li kien jieħu gost jara lil martu jkollha x’taqsam sesswalment ma’ Kevin filwaqt li hu joqgħod jarahom. Iżda xi tliet snin qabel Kevin u Ġorġ kienu ġġieldu meta kienu Paceville u kisruha bejniethom.

M’hemm l-ebda dubju li dan l-omiċidju se jibqa’ magħruf għal mistoqsija – Kevin Camilleri qatel lilu nnifsu bi żball jew verament inqatel minn xi ħadd? Jekk ir-risposta hija din tal-aħħar, allura bir-raġun li mal-Pulizija dan huwa każ ieħor ta’ omiċidju mhux solvut. 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija