Daħħlet l-eroina fil-qalziet ta’ taħt

mill-Qorti

Mara ta’ 46 sena minn Bormla li ammettiet li ħbiet pakkett eroina fil-qalziet ta’ taħt qabel ma għaddietu lil priġunier fl-2006 ġiet illiberata mill-akkużi miġjuba kontriha wara li l-Qorti qalet li d-drogi ma nstabux.

Il-każ imur lura f’Novembru tal-2006, meta l-akkużata, Michelle Bugeja, żaret fil-ħabs lil Mario Buhagiar. Il-pulizija qalet li dakinhar, Bugeja ħbiet pakkett eroina fil-qalziet ta’ taħt, u li f’ħin minnhom, l-uffiċjali tal-ħabs raw lill-mara taqbad il-priġunier u tpoġġihielu idejh fil-qalziet ta’ taħt.

Hekk kif l-uffiċjali daħlu fil-kamra, Buhagiar kellu xi ħaġa f’idu u belagħha.

Sussegwentament Buhagiar ittieħed l-isptar għat-testijiet filwaqt li Bugeja ġiet arrestata mill-pulizija. Meta Buhagiar ittieħed l-isptar għat-testijiet, it-tobba ma sabu l-ebda droga, filwaqt li fl-istqarrija tagħha, Bugeja ammettiet fl-istqarrija li kienet ħbiet l-eroina fil-qalziet ta’ taħt.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef David Scicluna, qal li minkejja li l-mara ammettiet, hija ma setgħetx tinstab ħatja li ssuplixxiet u ttraffikat l-eroina lil Buhagiar għax id-droga qatt ma nstabet u għalhekk ma kien hemm xejn x’jorbot lill-mara mal-każ għajr l-istqarrija. 

Għaldaqstant l-Imhallef qal li ma jistax jifhem kif Bugeja setgħet tinstab ħatja tal-akkużi u lliberaha mill-akkużi miġjuba kontrieha.

L-Avukat Roberto Montalto deher għall-akkużata.

More in Qrati u Pulizija