Żagħżugħ ta’ 26 sena mir-Rabat, Għawdex, tressaq il-Qorti t-Tnejn filgħodu akkużat li għal diversi snin uża profili foloz fuq il-midja soċjali biex jersaq lejn tfal u adolexxenti bil-għan li jikseb ritratti u materjal sesswalment espliċitu.
Gian-Luke Gambin qed jiffaċċja 56 akkuża differenti marbuta ma’ allegat sfruttament sesswali ta’ minorenni, korruzzjoni ta’ tfal, pussess u distribuzzjoni ta’ materjal indeċenti, kif ukoll reati oħra relatati ma’ fastidju u intimidazzjoni.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-investigazzjoni bdiet wara sensiela ta’ rapporti li jmorru lura għall-2020 u li matulhom ġew identifikati disa’ vittmi minn Malta u Għawdex.
Skont il-Qorti, l-akkużat allegatament kien jopera taħt l-isem falz ta’ "Chris Debrincat", identità li kienet tintuża fuq diversi pjattaformi tal-midja soċjali biex jersaq lejn il-vittmi tiegħu.
L-aħħar rapport li wassal għall-arrest tiegħu kien jinvolvi żewġ aħwa ta’ 10 u 12-il sena.
Il-Qorti semgħet kif it-tifla ta’ 12-il sena allegatament ġiet konvinta tibgħat ritratti intimi tagħha wara komunikazzjoni li kienet għaddejja permezz ta’ Snapchat. Aktar tard, meta bdiet tibża’ li dawn ir-ritratti setgħu jintużaw kontriha, hija tkellmet ma’ oħtha iżgħar dwar dak li kien qed jiġri.
It-tifla ta’ 10 snin imbagħad ikkuntattjat lill-persuna wara l-profil u talbitu jieqaf jikkomunika ma’ oħtha. Skont il-prosekuzzjoni, hija allegatament irċeviet theddida li jekk ma tibgħatx ritratti tagħha wkoll, ir-ritratti ta’ oħtha kienu se jiġu mxerrda fil-lokalità fejn joqogħdu.
Minflok ma ċediet għat-talba, it-tifla għarrfet lill-ġenituri tagħha, li sussegwentement għamlu rapport lill-pulizija.
Permezz tal-investigazzjonijiet diġitali li segwew, l-awtoritajiet allegatament irnexxielhom jorbtu l-kontijiet online ma’ Gambin, li eventwalment ġie arrestat.
Il-Qorti semgħet ukoll li fost il-vittmi hemm żewġ subien taħt l-età. Għalkemm dawn ma bagħtux materjal indeċenti, ir-ritratti tagħhom allegatament intużaw biex jinħolqu jew jiġu sostnuti l-profili foloz li kienu qed jintużaw online.
Meta mistoqsi dwar l-akkużi miġjuba kontrih, Gambin wieġeb mhux ħati.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li diversi vittmi, fosthom minorenni, għadhom iridu jixhdu fil-proċeduri.
Wara li sema’ s-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Maġistrat Jean Paul Grech ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-midja tista’ tippubblika kemm l-isem tal-akkużat kif ukoll l-isem falz li allegatament kien juża. Madankollu, ġiet ipprojbita l-pubblikazzjoni tar-ritratt tiegħu minħabba n-natura sensittiva tal-każ.
Il-Maġistrat osserva li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm persuni oħra li setgħu sfaw vittmi tal-istess allegat aġir.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Dorianne Tabone, Ryan Vella u Keith Xerri flimkien mal-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miriayah Borg u Tilden Tabone. L-avukati Mario Mifsud, u Nicholas Mifsud deheru għad-difiża.
Il-kawża ġiet differita għal nhar it-Tnejn li ġej, meta mistenni jixhdu diversi mill-minorenni involuti fil-każ.